Sport

L-eks Juventin Alessio Tacchinardi fl-24 programm Sport Extra

Illum fuq Net Television mis-6.05pm ‘l quddiem, jixxandar l-24 programm Sport Extra bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Charles Camenzuli.

Fl-ewwel parti tal-programm, intervista esklussiva mal-eks plejer ta’ Juventus u tat-tim nazzjonali Taljan Alessio Tacchinardi. Matul l-intervista li saret b’kollaborazzjoni ma’ Juventus Club Vero Amore Malta, Tacchinardi mhux biss jitkellem dwar il-karriera iżda wkoll dwar il-problema attwali fid-dinja tal-futbol fejn l-aġenti tal-plejers huma l-kaġun tal-flejjes li llum qed jintefqu fit-trasferimenti ta’ ċertu plejers.

Fit-tieni parti, tingħata importanza l-atletika u dak li wettqu f’Tolun fil-Polonja l-atleta Antonella u Rachid Chouhal fil-Kampjonati tad-Dinja Masters tal-Atletika. Antonella Chouhal rebħet tliet midalji filwaqt li Rachid Chouhal għadda għall-finali tal-long jump u tas-60 metru.

Il-muntaġġ tas-servizzi fil-programm sar minn Samira Cachia Spiteri filwaqt li l-filmati ttieħdu minn Bernie Dimech u Joe Sultana.