Il-gazzetta il-mument illum tista’ tiżvela kif persuni fl-aħħar ġimgħat tefgħu għajnejhom fuq pittura antika li hemm fil-Kappella tal-Isptar San Luqa bl-iskop li hekk kif il-Kappella attwalment hi magħluqa, din l-istess pittura tinqala’ minn fejn hi u tkun negozjata.
Sorsi li b’kunfidenzjalità kbira tkellmu ma’ il-mument qalulna li fin-negozju ta’ din il-pittura hemm persuni li jifhmu tajjeb fil-valur ta’ pittura antika u ta’ preġju u dak li għandhom f’moħħhom hu li darba jinstab ix-xerrej adattat, allura pittura milli hemm imwaħħla fil-Kappella tal-Isptar San Luqa, tinqala’ u tgħib darba għal dejjem. Jidher li attwalment ma hemmx inventarju aġġornat ta’ x’hemm f’din il-kappella, inkluż tal-beni reliġjużi li fiha.
Sadattant hemm min diġà beda jistudja x’mekkaniżmu hu meħtieġ jiddaħħal b’mod diskret f’din il-Kappella li għalkemm hi magħluqa, xorta waħda hi fiċ-ċentru tal-Isptar u mhux faċli li jiddaħħlu forċi għoljin (slielem) mingħajr ħadd ma jintebaħ.
Probabbilment ħaġa bħal din trid issir xi darba bil-lejl fejn persuni jidħlu b’mod normali fil-binja tal-Isptar San Luqa u eventwalment joħorġu wkoll bħal qisu mhu xejn, iżda mbagħad isir sforz kbir biex l-istess bibien tal-Kappella jibqgħu msakkra biex ħadd ma jkollu traċċi ta’ meta setgħet kienet misruqa din il-pittura imprezzabbli.
Min tkellem ma’ il-mument żvela aktar informazzjoni importanti, fosthom dwar il-ħtieġa li issa din l-aħbar qed issir pubblika, allura l-awtoritajiet – inkluż il-Pulizija – ma jibqgħux jistennew lil xi ħadd jiġbdilhom l-ispaga biex jaġixxu u jassiguraw li tali pittura jew tkun indokrata sew, jew inkella tingħata lil xi entità tal-arti f’pajjiżna biex hekk din il-patrimonju Malti ma tgħibx darba għal dejjem.
Jirriżulta li fl-aħħar xhur diversi kienu l-Knejjes u l-Kappelli madwar Malta fejn pitturi u oġġetti sagri spiċċaw għebu darba għal dejjem.
Fost l-aktar reċenti kien hemm is-serq ta’ numru ta’ kwadri imprezzabbli li għandhom valur mhux biss artistiku kbir iżda wkoll jiffurmaw parti mill-patrimonju artistiku reliġjuż ta’ pajjiżna li nsterqu minn wieħed mill-kuriduri fis-sular ta’ fuq fil-Kunvent tal-Knisja ta’ Santu Wistin, fil-Belt Valletta.
Patri Deo Debono OSA, li hu l-Kappillan tal-Parroċċa Santu Wistin fil-Belt Valletta, kien ikkonferma din is-serqa u qal li din kienet saret mill-Kunvent.
Jirriżulta li kemm-il Kappillan kif ukoll il-patrijiet Aġostinjani ħutu ma għandhom l-ebda idea meta saret din is-serqa spettakolari ta’ numru ta’ pitturi.
Dwar il-pittura imprezzabbli fil-Kappella tal-Isptar San Luqa, is-sorsi ta’ il-mument qalulna li tassew tkun ħasra li tali pittura tgħib meta forsi fadal il-ħin li din tkun salvatha u ma tinħariġx mill-binja tal-isptar flimkien ma’ xi merkanzija oħra li tkun se tinħareġ mill-istess binja!
//= $special ?>