Lokali

AĠĠORNATA: Irid jitneħħa s-Salib u kull simbolu reliġjuż miċ-Ċentri tas-Saħħa – Chris Fearne qed jgħid li ma kienx ikkonsultat

Deċiżjoni li ttieħdet mit-tmexxija taċ-Ċentri tas-Saħħa (il-bereġ) qed tqajjem rabja fost l-impjegati u wkoll diversi persuni li jagħmlu użu minn dawn il-postijiet.

Dan hekk kif it-tmexxija, fl-aħħar jiem bagħtet ċirkolari uffiċjali biex fost oħrajn jitneħħa b’mod immedjat kull simbolu reliġjuż minn dawn iċ-Ċentri tas-Saħħa.

Fiċ-ċirkolari, li Net News kiseb kopja tagħha minn persuni mweġġa’ b’din id-deċiżjoni li ttieħdet mingħajr konsultazzjoni, jingħad hekk: “Kull oġġett jew stampa reliġjuża (bħal santi mwaħħla mal-ħajt) għandhom jitneħħew hekk kif il-klinika hi entità tas-saħħa u nqisu lilna nfusna bħala soċjetà multi-kulturali.”

B’hekk din l-ordni ġġib fi tmiemha tradizzjoni antika fost l-impjegati taċ-Ċentri tas-Saħħa li kienu jħobbu jħallu xi salib, santa jew oġġetti reliġjużi oħra bit-twemmin tagħhom li jistgħu jipproteġuhom u jiggwidawhom fil-qadi tad-dmirijiet delikati u prezzjużi tagħhom b’risq il-pazjenti.

Se ġġib fi tmiemha wkoll tradizzjoni antika li l-impjegati jarmaw statwi jew xenarji reliġjużi għal okkażjonijiet partikolari bħall-istatwa tal-Madonna fit-tifkira tad-Duluri jew il-maxtura bil-Bambin fi żmien il-Milied.

Il-Ministru Chris Fearne f’paniku irtira d-direttiva wara li l-Gvern inkixef minn Net News. Huwa hareg jghid li ma kienx ikkonsultat u insista li ma qabilx ma din id-deċiżjoni meħuda mill-Primary Care. Huwa saħaq li ordna li ċ-ċirkolari tiġi rivokata mmedjatament. Izda ma qalx ghaliex halla din l-ordni tohrog. Mhux maghruf lanqas min se jerfa’ r-responsabbilta’ ta’din id-decizjoni.