VALLETTA…………. 1 GŻIRA U……………… 1
Stewart Said
Valletta: H. Bonello, S. Borg, J. Caruana, R. Camilleri, J. Zerafa (J. Borg 77’), R. Muscat, R. Saleh (A. Monticelli 30’), S. Malano, E. Pena Beltre, M. Fontanella (B. Kaljevic 80’), K. Nwoko
Gżira: J. Haber, R. Briffa, R. Soares, F. Barbosa, S. Borg, G. Conti, A. Cohen (N. Muscat 84’), E. Bilbao Zarate, J. Corbalan, J. Mengolo (Z. Scerri 74’), H. Garba
Imwissija: J. Corbalan 24’, H. Garba 45+3’ (G), J. Caruana 52’, R. Camilleri 87’, S. Borg 88’ (V)
Skorjaw: S. Borg 4’ pen (V), J. Mengolo 57’ (G)
Referee: Fyodor Zammit
Assistenti Referees: Roberto Vella, Duncan Sultana
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Edison Bilbao Zarate (Gżira United) Attendenza: 1402
Għat-tieni logħba konsekuttiva, Valletta naqsu li jiksbu l-punti massimi u issa jinsabu punt wara Hibernians bi tliet logħbiet għal tmiem il-kampjonat. Gżira fuq in-naħa l-oħra kabbru d-distakk mit-timijiet ta’ warajhom u komplew jersqu lejn konferma għal post fl-Ewropa.
Valletta, fl-assenza tal-kowċ Danilo Doncic, naqsu li jżommu l-bidu pożittiv li kellhom u wara li weġġa’ u nbidel Raed Saleh, il-Beltin kellhom nuqqas ta’ kreattività f’nofs il-grawnd. Gżira kibru aktar ma għadda l-ħin, b’Edison Bilbao Zarate jmexxi l-logħba f’nofs il-grawnd.
L-intensità ddominat l-ewwel ftit minuti tal-logħba, bl-ewwel azzjoni wara tliet minuti tkun mill-ewwel ftit kontroversjali. Kien kross ta’ Joseph Zerafa mix-xellug, bil-ballun jaħbat ma’ id Roderick Briffa, bir-referee Fyodor Zammit jiġġudika li l-kuntatt mal-id kien biżżejjed biex jiġi ordnat penalty. Mill-11-il metru nkariga ruħu STEVE BORG li bagħat lil Haber in-naħa l-oħra tal-ballun għall-gowl tal-vantaġġ.
Valletta ħadmu azzjoni tajba fil-11-il minuta meta Borg għadda ‘l quddiem lejn Malano li qata’ lura mil-lemin lejn Raed Saleh iżda l-konklużjoni tal-midfielder għaddiet ferm għoli. Gżira appellaw għal penalty fl-24 minuta għal kuntatt bejn Joseph Zerafa u Juan Corbalan f’tarf il-kaxxa, iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej fost il-protesti ta’ Gżira.
Ftit sekondi wara, ċans tajjeb għal Gżira meta Corbalan krossja għan-nofs lejn Haruna Garba iżda l-attakkant xeħet għoli mill-viċin. Gżira ħadu aktar il-kontroll tal-logħba u fit-38 minuta marru ferm viċin il-gowl. Kien passaġġ intelliġenti mal-art ta’ Bilbao Zarate lejn Garba li ġera fl-ispazju, qabeż lil Bonello, iżda Steve Borg kien pożizzjonat tajjeb u biegħed f’korner.
Henry Bonello kien strumentali fil-41 minuta meta mirakolozament dawwar f’korner daqqa ta’ ras ta’ Justin Mengolo wara free-kick ta’ Andrew Cohen. Fit-53 minuta l-logħba setgħet ħadet żvolta oħra meta Gżira ngħataw penalty. Ir-referee Fyodor Zammit iġġudika li Jonathan Caruana waqqa’ lil Haruna Garba fil-kaxxa. Is-solitu Andrew Cohen ta l-penalty, iżda Henry Bonello qara x-xutt u salva fuq ix-xellug tiegħu.
Iżda l-gowl meritat tad-draw wasal fis-57 minuta meta Bilbao Zarate għadda vertikalment lejn Justin Mengolo li għeleb in-nasba tal-offside, qabeż lil Bonello u skorja f’lasta vojta. Valletta marru viċin il-gowl tal-vantaġġ fl-64 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Kyrian Nwoko li kienet imdawra f’korner minn Justin Haber li kien attent fl-azzjoni. Il-logħba twalet bit-tnejn jippruvaw ifittxu l-gowl tar-rebħa mingħajr ma jitfgħu kollox fl-attakk. Garba kien l-aktar li mar viċin fit-92 minuta, b’xutt fil-baxx li għadda ċentimetri barra.
//= $special ?>