Lokali

Għexieren jaqilgħu multa għax telgħu t-Telgħa ta’ Ħad-Dingli b’iktar minn 30km/h

Rabja fost id-Dinglin u diversi persuni li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet spiċċaw fil-mira ta’ speed guns huma u deħlin lejn ir-raħal.

Dan hekk kif numru ta’ uffiċjali ġew stazzjonati fil-bidu ta’ Triq il-Kbira, magħrufa aħjar bħala t-Telgħa ta’ Ħad-Dingli, iwaħħlu ċ-ċitazzjonijiet lil kważi kull min kien qed isuq fl-inħawi.

Ir-raġuni hi li f’din il-parti tat-triq, il-limitu ta’ veloċità hu ta’ 30 kilometru fis-siegħa hekk kif wieħed ikun dieħel lejn parti abitata ta’ villaġġ. Dan apparti li fil-qrib hemm zebra crossing u wkoll dħul għall-iskola primarja.

Tant hu hekk li t-tabella tal-limitu tal-veloċità tinsab propju quddiem l-entratura tal-iskola, u kienet twaħħlet mill-Kunsill Lokali lura f’Awwissu li għadda.

Minkejja dan, ta’ min jinnota li hu kważi impossibbli li wieħed isuq bit-tletin f’din il-parti tat-triq int u dieħel għal telgħa. Tant hu hekk li vetturi bħall-karozzi tal-linja ma jirnexxielhomx jagħmlu dan.

Filfatt, kien hemm mumenti fejn l-uffiċjali bilkemm setgħu jlaħħqu hekk kif kienu qed jimmultaw lil kważi kull min kien dieħel lejn Ħad-Dingli.

Fost dawk li kkummentaw, kien hemm min innota li kien ikun aħjar li kieku l-Pulizija ntużaw fl-għassa tal-lokalità, li spiss tkun magħluqa.