L-avukati tal-familja Caruana Galizia ippreżentaw ittra ġudizzjarja fil-Qorti fejn qegħdin jitolbu biex l-istat jieħu “l-miżuri neċessarji” li jwasslu għal inkjesta pubblika biex wieħed jara jekk l-istat Malti hux qed jimxi mal-obbligazzjonijiet tiegħu biex tiġi protetta l-ħajja skond il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Umani kif inhuma nkorporati fil-Liġi Maltija.
L-ittra ġiet ippreżentata fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni ta’ Qorti Kostituzzjonali f’isem Peter, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia, u hija ndirizzata lejn l-Avukat Ġenerali, il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Prim Ministru.
Jingħad li l-inkjesta pubblika għandha tinkludi obbligazzjoni biex tinvestiga dwar jekk il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia setax jiġi evitat, u jekk l-istat mexiex mal-obbligazzjonijiet tiegħu li jieħu l-miżuri neċessarji fid-dawl taċ-ċirkostanzi li ndikaw li Caruana Galizia kienet fil-periklu u jekk hija ngħatatx il-protezzjoni mistennija u neċessarja.
L-inkjesta għandha wkoll tinvestiga jekk il-proċeduri, il-proċessi u l-istrutturi amministrattivi kinux suffiċjenti li jindikaw jekk l-istat kienx jaf dwar il-periklu li DCG kienet għaddejja minnu u li kienx hemm biżżejjed strutturi li kellhom jindikaw li kellhom isiru miżuri ta’ protezzjoni, u fl-assenza, jinvestigaw kif dawn il-proċeduri, proċessi u strutturi jissaħħu.
Falliment li wieħed jappunta persuni indipendenti u imparzjali li jagħmlu nvestigazzjoni sura, ma ħalliet lill-familja Caruana Galizia, l-ebda għażla ħlief li jibdew proċeduri legali kontra l-persuni responsabbli, wissiet l-ittra, li kienet iffirmata mill-Avukati Jason Azzopardi, Eve Borg Costanzi u Therese Comodini Cachia.