Lokali

Il-Gvern Soċjalista jerġa’ jikkonferma li qatt ma ried il-Kunsilli Lokali

Fid-diskors tiegħu tal-bieraħ fil-Ħamrun, il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa ta konferma kemm il-Gvern Soċjalista ma jemminx fil-Kunsilli Lokali. Dan meta għamel dikjarazzjonijiet bħal “jekk il-Gvern iħalli f’idejn il-Kunsill ma’ jiġri xejn ” u “l-Kumitati Amministrattivi qatt m’għamlu differenza”, li juru kif wara 25 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, l-Partit Soċjalista baqa’ qatt ma emmen fil-Kunsilli. Il-Prim Ministru ma’ semmiex li:

  • il-Partit Nazzjonalista ressaq dokument bi 80 proposta lill-Gvern sabiex jiġu nklużi fl-abbozz finali tar-riforma li qed tiġi diskussa bħalissa fil-Parlament.
  • Li proposti importanti minn dan id-dokument tħallew barra mill-Gvern sempliċement għax il-Gvern Soċjalista qatt ma’ emmen li għandu jżid il-poteri lill-Kunsilli Lokali.
  • Din l-imsejħa riforma mhi se tagħti l-ebda responsabbiltajiet ġodda lill-Kunsilli Lokali.
  • Li l-Gvern Soċjalista daħħal sistema tal-ġbir tal-iskart mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali u li ħolqot diffikultajiet lir-residenti u ġabet kritika qawwija mill-maġġoranza tas-Sindki inkluż dawk f’isem il-Partit Soċjalista.
  • Kif is-sistema tal-infurzar f’pajjiżna, nkluż f’San Pawl il-Baħar ittieħdet minn idejn il-Kunsilli Lokali, biex bit-twaqqif tal-Aġenzija LESA, fi ħdanha hemm uffiċjali tal-komunità (wardens) li huma demotivati, għaliex din l-aġenzija spiċċat tintuża mil-Gvern biex jiġu aġevolati nies tal-qalba.
  • Ir-rabja li ġiet espressa minn Sindki, fosthom dawk tal-Partit Soċjalista, waqt seduta tas-Sindki li saret fil-Parlament, għall-fatt li l-Kunsilli qed jiġu injorati kontinwament mill-Ministeri u d-Dipartimenti.
  • Li l-Kumitati Reġjonali twaqqfu ukoll mill-Partit Nazzjonalista u li llum hawn qbil li jiġu msaħħa, iżda mhux billi jittieħdu responsabbilitajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali.
  • Li matul l-aħħar snin twaqqfu numru kbir ta’ skemi li kienu bdew fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.

Fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, l-Komunitajiet u l-Fondi Ewropej Robert Cutajar intqal li ma’ kinitx lanqas sorpriza li l-Prim Ministru tkellem ukoll kontra l-fatt li l-Oppożizzjoni fil-Parlament ressqet mozzjoni sabiex il-Kumitati  Amministrattivi (Hamlets) jibqgħu jiffunzjonaw u jiġu msaħħa u mhux jiġu eliminati b’avviz legali, li ħareġ bla konsultazzjoni u meta m’għandux mandat elettorali li jneħħihom. Il-Prim Ministru għandu jpoġġi fuq il-medja tal-Kamra l-minuti li semma’ għaliex mhux veru li kien hemm xi qbil li għandhom jitneħħew il-Kumitati Amministrattivi.


Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista huwa unanimu li l-Kunsilli għandhom jissaħħu b’aktar poteri u mhux jitnaqrulhom kif qed jagħmel il-Gvern Soċjalista.