Lokali

“Il-pajjiż għandu sfidi kbar quddiemu” – George Vella

“Quddiemna, bħala nazzjon, għandna sfidi kbar”.

Hekk stqarr il-President ta’ Malta George Vella  f’laqgħa mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.

Il-President Vella wassal l-appell tiegħu sabiex mhux biss inħarsu lejn l-ekonomija, li sejra tajjeb, iżda wkoll lejn l-isfidi l-ġodda li qed jinħolqu f’bosta setturi. Il-President ta’ Malta qal li huwa importanti li bħala pajjiż inkunu konxji tal-problemi u l-isfidi li għandna fuq ħoġorna; dan ikun l-ewwel pass biex jiġu riżolti.

Il-President ta’ Malta saħaq fuq il-punt li jrid jghin biex biex ikun hawn aktar lok ta’ diskussjoni u wiegħed ukoll li jpatti l-fiduċja fih b’aktar ħidma biex jiġu solvuti l-isfidi li Malta qed tħares.

Huwa qal li jixtieq li f’Malta jitwarrab ir-razzizmu u saħaq fuq l-importanza li l-kwistjoni fil-Libja tiġi riżolta bid-diplomazija u mhux bil-militar.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia qal li fid-djalogu mal-President tqajjem il-punt fuq l-importanza li jissaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, li huma s-sisien tad-demokrazija.

Huwa qal li jinsab sodisfatt li l-President il-ġdid japprezza l-valur tal-ħajja, mill-konċepiment sat-tmiem naturali, u li dan il-valur huwa dak li jħaddan il-PN. Tkellem ukoll fuq l-importanza lejn l-edukazzjoni u kif huwa kruċjali li jiżdied investiment xieraq lejn dan is-settur tant importanti. Adrian Delia qal li bħala pajjiż irridu nħarsu lil dawk l-aktar vulnerabbli u li rridu nieħdu ħsieb il-qasam soċjali.