Edukazzjoni Lokali

Il-problemi fis-settur edukattiv huma riżultat tan-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern

 “Il-problemi mifruxa f’diversi setturi li jmissu mal-qasam tal-edukazzjoni f’pajjiżna huma riżultat ta’ nuqqas ta’ viżjoni u ppjanar.” hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli meta kien qed jindirizza l-parteċipanti li kienu mistiedna mill-Fondazzjoni AŻAD għall-workshop li sar matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet. 

Għal dan il-workshop bit-tema ‘Il-Futur tal-Edukazzjoni’ ħadu sehem fih numru ta’ esperti fil-qasam tal-edukazzjoni bl-iskop li jinħoloq djalogu li jissarraf fl-iżvilupp ta’ numru ta’ policies. Clyde Puli qal li ma teżistix informazzjoni riċerkata biżżejjed li fuqha tista’ ssir analiżi. Dan meta qed tikber il-popolazzjoni tal-istudenti u m’hawnx pjan dwar l-impatt fl-iskejjel, u kif dan kollu qed jeffettwaw il-kapaċità u t-tmexxija tal-istrutturi edukattivi.

Huwa qal li n-nuqqas ta’ ippjanar fl-edukazzjoni ħareġ biċ-ċar fl-introduzzjoni ta’ suġġetti ġodda, u l-proċeduri dwar kif se jiddaħħlu edukaturi ġodda bi tħassib serju li din se jissarraf f’devalwazzjoni kbira għall-professjoni li diġà mhijiex kompetittiva ma’ professjonijiet oħra f’dawk li huma salarji. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli qal li hawn nuqqas ta’ sinerġija bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-istituzzjonijiet edukattivi bħall-Università, Institute of Education u l-MCAST.