Jidher li m’hemm xejn illi jorbot lit-tliet vittmi li tard is-Sibt filgħaxija fi triq imwarrba f’Ħal Far spiċċaw vittma ta’ sparatura minn vettura, b’wieħed minnhom imut fil-post.
Il-każ seħħ fi Triq Tal-Ġebel, fejn dalgħodu l-Pulizija kompliet bl-istħarriġ tagħha sabiex tipprova tistabbilixxi l-mottiv wara din l-isparatura.
Il-karozza li minnha ġew sparati t-tiri lejn it-tliet irġiel għadha ma nstabitx.
Jirriżulta li bejn it-tliet irġiel ma kien hemm l-ebda konnessjoni, għajr li kienu mexjin fl-istess triq…fl-istess ħin.
Ir-raġel li miet hu immigrant ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Ivorju, identifikat bħala Lassibe Souleymane. Sorsi qed jindikaw li ż-żewġ persuni l-oħra li sfaw feruti huma mill-Ghana.
Il-Pulizija għadha qed tfittex il-karozza ta’ lewn abjad u l-persuna jew persuni li allegatament minnha fetħu n-nar fuq tliet immigranti li jgħixu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far – pass bogħod minn fejn seħħet l-isparatura.
//= $special ?>