Lokali

Is-serq u attentati ta’ serq fir-Rabat ikompli bla waqfien

Il-mewġa ta’ serq fir-Rabat u l-inħawi bħan-Nigret tippersisti mingħajr heda tant li Net News irċieva informazzjoni dwar żewġ attentati oħra.

Dawn iż-żewġ każi, li huma biss każi li waslu għand Net News u probabbilment seħħew iktar, ġraw fl-istess lejl tas-Sibt.

Minn informazzjoni li waslet għandna, jirriżulta li l-ħalliel jew ħallelin ippruvaw jiksbu aċċess għal żewġ blokok ta’ appartamenti fin-Nigret, għall-ħabta tal-għaxra tas-Sibt filgħaxija. Sakemm waslu l-Pulizija fil-post, dawk involuti kienu laħqu ħarbu mill-post.

Fl-aħħar jiem residenta fl-inħawi ħelsitha meta sabet ma’ wiċċha żewġ persuni lebsin maskla tal-karnival jippruvaw jidħlu f’darha. Waqt li hi sofriet minn qatgħa, il-ħallelin fortunatament ma ħebbewx għaliha imma ħarbu.

Net News ilu ġimgħatejn li bagħat mistoqsijiet lill-Pulizija fejn staqsejna kemm-il attentat ta’ serqa jew serqiet b’suċċess seħħew fir-Rabat, in-Nigret u l-inħawi bejn Jannar u Marzu. S’issa għadna bla tweġiba.

Net News ilu għall-aħħar jiem isegwi din il-mewġa ta’ serq b’diversi artikli: