Edukazzjoni Lokali Saħħa

Każijiet ta’ scabies fl-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa

Ġenituri ta’ studenti li jattendu l-iskola Primarja ta’ Birżebbuġż qed ikunu mwissija biex joqgħodu attenti wara li fl-aħħar jiem feġġew każi ġodda tal-iskabbja (scabies) f’din l-iskola.

Kienu diversi ġenituri li għamlu kuntatt ta’ Net News li kkonfermaw dan minn ittra li tqassmet fl-iskola Primarja ta’ Birżebbuġż, u li Net news irċieva kopja tagħha. L-iskabbja hi nfezzjoni ta-ġilda kkawżata mid-dudu tal-iskabbja meta dan iħaffer f’wiċċ il-ġilda.

Id-dudu jittieħed l-aktar minn kuntatt dirett fit-tul mal-ġilda u l-infezzjoni hi meqjusa li tittieħed malajr u b’mod faċli sakemm dawk affettwati ma japplikawx trattament mill-ewwel.

Madankollu l-problema hi li s-sintomi ġeneralment jiżviluppaw bejn ġimgħatejn u sitt ġimgħat wara l-ewwel kuntatt mal-persuna infettata.

Minn informazzjoni li waslitilna mingħand dawn il-ġenituri jidher li f’din l-iskola hemm telqa kbira, fejn saħansitra t-toilets u l-kċina mhux qed jiġu mnaddfa. Dan qed iwassal għal tħassib fost dawn il-ġenituri li jinsabu inkwetati għas-sitwazzjoni preżenti li teżisti f’din l-iskola bil-konsegwenza li qed jispiċċaw jimirdu uliedhom.