“Irridu nkunu lesti biex niffaċċjaw ix-xejriet tal-futur fl-industrija tal-farmaċewtika. Għalhekk, il-bniedem irid jibqa’ fil-qofol ta’ kull żvilupp marbut mal-awtomazzjoni. Dan hu importanti, u l-politika tagħna hi bażata fuq hekk.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech wara li żar Aurobindo Pharma (Malta) Ltd, kumpanija ewlenija tal-farmaċewtika f’Malta, li issa ilha taħdem f’pajjiżna għal dawn l-aħħar għaxar snin. L-MEP Zammit Dimech esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li dan il-ħsieb hu l-istess li qed imexxi ‘l quddiem il-kumpanija Aurobindo, liema ħsieb li hu fl-istess linja tal-politika li hu jappoġġja. Hu qal li b’mod kollettiv, irridu nħejju lilna nfusna għall-isfidi li se niffaċċjaw bl-intelliġenza artifiċjali u awtomatika, u dan għaliex il-politika għandha dejjem ikollha lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha.
Waqt iż-żjara, l-MEP Zammit Dimech żar l-uffiċini u l-laboratorji flimkien mad-Direttur Maniġerjali Frederick Schembri u uffiċjali oħra tal-kumpanija. Hu qal li flimkien ma’ kumpaniji oħra, Aurobindo Pharma (Malta) Ltd tifforma parti minn settur ekonomiku importanti għal Malta, li hu jemmen ħafna fih.
Zammit Dimech qal li hu ħadem mill-qrib ma’ uffiċjali mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-UE, rappreżentanti tal-Malta Enterprise u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet tal-Farmaċewtika (EFPIA), biex jissalvagwardja l-industrija tal-farmaċewtika f’Malta, wara li saret reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar il-farmaċewtika. Zammit Dimech qal li l-liġi tal-UE għandha impatt fuq l-ekonomija u l-impjiegi. “Dan hu eżempju ta’ kif reviżjoni tal-liġijiet tal-UE jistgħu jħallu impatt fuq Malta, u kif il-ħidma tal-MEPs hi kruċjali biex tassigura li l-liġi tirrifletti l-prijoritajiet tagħna,” żied jgħid.
Is-settur tal-farmaċewtika hu importanti għal Malta u ikkontribwixxa biex tiżdied l-esportazzjoni kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi. Is-settur ħoloq ukoll opportunitajiet ta’ karrieri ġodda għal dawk li jistudjaw ix-xjenzi, kemm fl-MCAST kif ukoll l-Università ta’ Malta. Dwar dan, Zammit Dimech impenja ruħu li jkomplu jkun il-vuċi tas-settur tal-farmaċewtika fil-Parlament Ewropew.
Zammit Dimech, li hu membru tal-Grupp MEPs kontra l-Kanċer fil-Parlament Ewropew, faħħar lill-Aurobindo għall-pjanijiet tagħha li tinvesti €3 miljun fir-riċerka dwar il-kanċer f’Malta. Hu qal li r-riċerka hi kruċjali fil-ġlieda kontra l-kanċer, u li l-Grupp tal-PPE qed jinsisti biex ir-riċerka għall-kanċer tingħata prijorità fil-Qafas Finanzjarju li jmiss (MFF). Aktar kmieni din is-sena, Zammit Dimech ppreżenta 30 proposta għall-ġlieda kontra l-kanċer, li jinkludu sezzjoni ffukata fuq ir-riċerka. Hu qal li hemm bżonn ta’ aktar investiment fir-riċerka, għaliex Malta tinsab it-tielet post mill-aħħar fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam investiment fir-riċerka u l-iżvilupp.
//= $special ?>