Kunsilli Lokali Lokali

Maġġoranza Nazzjonalista f’Ħal Lija tagħmel id-differenza

Il-Gvern Soċjalista ma jgħinx, u jibqa’ ma jagħtix fondi lill-Kunsilli.

Ir-raħal ta’ Ħal Lija hu wieħed mill-eżempji ta’ kif Kunsilli mmexxija minn maġġoranza Nazzjonalista għamlu d-differenza f’ħajjet ir-residenti, akkost in-nuqqas ta’ fondi mill-Gvern.

Il-Kap tal-PN qal dan fi żjara li għamel f’din l-istess lokalità fejn qal li minħabba li Ħal Lija hija raħal żgħir u b’karatteristiċi mill-isbaħ, hija xorta waħda mhux tingħata prijorità mill-awtoritajiet.

Fil-presenza tal-Viċi Kap tal-Partit David Agius u kif ukoll ta’ deputati, is-Sindku, Kunsilliera u kandidati għall-Elezzjonijiet ta’ Majju li ġej, il-Kap tal-PN sema’ numru ta’ ilmenti fejn l-istess lokalità qed tassorbi traffiku li qed jiġi minn lokalitajiet oħra, dan joħloq detriment anki ta’ parkeġġ fuq ir-residenti.

Iltaqa’ wkoll ma’ numru ta’ każijiet ta’ vandaliżmu li qiegħed isir fir-raħal ta’ Ħal Lija, fejn anki apparat ġdid fil-bandli ġie vvandalizzat. Il-bdiewa f’dan ir-raħal ukoll applikaw biex numru ta’ ħitan tas-sejjieħ jerġgħu jittellgħu, akkost l-iskema tal-gvern, huma baqgħu ma ngħataw xejn. 

Adrian Delia sostna fuq kif il-Gvern Soċjalista ftit li xejn qed jagħmel biex ma tintilifx l-identità Maltija f’irħula bħal dawn li huma sinjuri minn kull aspett.

Il-lokalità wkoll bħalissa għaddejja minn sfida oħra, dik ta’ żvilupp bla rażan li sfortunament taf tħalli impatt negattiv fuq l-estetika tal-lokalità.

Adrian Delia nnota kif akkost dawn il-limitazzjonijiet u l-isfidi, il-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista baqa’ jitkellem u jaħdem favur il-Lijani. Fost l-oħrajn il-Kunsill qed ukoll jaħdem biex l-istudenti barranin jagħmlu użu mil-lokalità wkoll jħallu impatt siewi fil-komunità. Dan l-eżerċizzju qed jiġi mfassal mill-istess Kunsill Lokali u kif ukoll l-Università ta’ Malta.