Lokali

Pjazza msemmija għal Ġużi Spiteri

Il-Ħadd ġiet fi tmiemha esebizzjoni fil-każin tal-Partit Nazzjonalista Naxxar ad unur l-eks Ministru Nazzjonalista n-Nutar Ġużi Spiteri.

Fi tmiem ta’ din l-esebizzjoni kien hemm diskussjoni fejn il-President tal-Kumitat Sezzjonali Joe Spiteri, spjega illi fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar ġie approvat li fin-Naxxar tissemma’ Pjazza għan-Nutar Ġużi Spiteri.

Tul id-diskussjoni ħarġu diversi punti mill-kelliema fejn, l-eks Ministru Nazzjonalista Naxxari Louis Deguara, tkellem fuq kif jiftakar lin-Nutar Spiteri fit-tfulija tiegħu, fejn l-istess tabib Deguara u t-tfal tan-Nutar Spiteri qattghu it-tfulija tagħhom flimkien peress li kienu ġirien. It-tifel il-kbir tan-Nutar Spiteri, Tonio Spiteri flimkien mat-Tabib Deguara qasmu diversi esperjenzi tat-tfulija li kellhom flimkien mal-ġenituri tagħhom.

L-eks deputat nazzjonalista Richard Muscat, tkellem kemm politiċi bħan-Nutar Spiteri għadhom jagħtu eżempji sal-ġurnata tal-lum. Politiċi li kienu jgħixu ħajjithom man-nies u jaraw dak li vera hemm bżonn għall-ġid tal-pajjiż u l-poplu tiegħu.

Fid-diskussjoni hadu sehem ukoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, l-eks Ministru u eks Kummissarju Ewropew Tonio Borġ, Louis Deguara, Tonio Spiteri u Richard Muscat. Kien hemm preżenti d-deputati tad-distrett, Simon Busuttil, Maria Deguara, Robert Cutajar, il-familjari tan-Nutar Spiteri u anki l-kandidati għall-Kunsill Lokali… kif ukoll dawk għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Tags