Lokali

Terz tal-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali f’pajjiżna, ibatu minn sintomi ta’ burnout

Terz tal-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali f’pajjiżna, ibatu minn sintomi ta’ burnout u jħossuhom eżawriti fuq il-post tax-xogħol – ħafna drabi, minħabba l-ammont eżaġerat ta’ pazjenti fis-swali, nies fil-kurituri, pazjenti barranin li qed jiżdiedu u nuqqasijiet fit-tmexxija tal-qasam tas-saħħa.

Minn riċerka li saret fost il-professjonijisti residenzjali fl-Isptar Monte Karmeli, is-Psychatric Unit u s-Psycahtric Ward f’Għawdex …jirriżulta wieħed minn kull sitta li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ qed ibatu minn burnout totali.

L-istudju li twettaq mill-psikjatri Patrick Barbara u minn Aloisia Camilleri, u li ġie kwotat fil-faċċata tat-Times, iffoka fuq sitt professjonijiet – psikjatri, terapisti, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema soċjali u infermiera.

Barbara innota li l-burnout kien proċess li jibda meta impjegat jiġi ffaċċjat minn stress kroniku fuq il-post tax-xogħol li jirriżulta minn diversi fatturi fosthom nuqqas ta’ riżorsi umani. Dan jibda bl-eżawriment emozzjonali speċjamlent meta l-impjieg jinvolvi sigħat twal ta’ xogħol u każijiet umani ta’ sfida. Dan eventwalment iwassal biex persuna ma tibqax tħossha parti mill-impjieg tagħha.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatri kemm il-darba tenniet li qed ikunu iffaċjati minn nuqqas ta’ riżorsi fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Każ ċar huwa l-Isptar Monte Karmeli fejn hemm bzonn numru akbar ta’ psikjatri. L-Assoċjazzjoni ilha żmien twil taċċenna l-fatt li l-kura tas-saħħa mentali hi minsija u hemm bżonn li din tingħata importanza daqs mard ieħor bħall-pereżempju d-dijabete.

L-istess studju, li ġie ppreżentat f’konferenza nazzjonali organizzata mill-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali għat-Tfal u l-Adoloxxenti juri li din is-sitwazzjoni qed twassal ghal skuntentizza fost l-impjegati fl-isptarijiet, b’riżultat li jiġi affetwat is-servizz lill-pazjenti.