Futbol Sport

Tintemm ir-relazzjoni bejn Valletta u Danilo Doncic tliet logħbiet qabel tmiem il-kampjonat

(Ritratt: Matthew Tabone)

L-esperjenza ta’ Danilo Doncic intemmet hekk kif irriżenja minn kowċ ta’ Valletta minħabba raġunijiet personali. B’hekk Valletta saru d-disa’ klabb li bidlu t-tmexxija teknika f’xi mument f’dan l-istaġun.

It-tmexxija temporanja tat-tim se tgħaddi f’idejn Gilbert Agius. Din l-aħbar tista’ tittieħed bħala sorpriża minn ħafna hekk kif bħalissa Valletta qegħdin jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat bi tliet logħbiet għat-tmiem.

F’kuntatt li sar mal-Viċi President ta’ Valletta Paul Spiteri ntqal li l-Ġimgħa u s-Sibt Doncic ma kienx għat-taħriġ u t-tim ġie magħżul mill-assistent kowċ Gilbert Agius. Fil-fatt fil-logħba tal-bieraħ li Valletta lagħbu kontra Gżira United, Doncic ma kienx fuq il-bankin tat-tim Belti.

Il-kumitat ta’ Valletta FC se jiltaqa’ l-Erbgħa biex jiddiskuti t-triq ‘l quddiem u r-riżenja ta’ Doncic li mistennija tkun aċċettata. Għadu mhux magħruf jekk hux se jinħatar kowċ permanenti minn issa jew l-istaġun li ġej, bl-isem ta’ Darren Abdilla qed jissemma b’insistenza.

Minbarra l-karriera ta’ plejer ma’ Valletta, Doncic kien sar kowċ tal-istess klabb f’Diċembru tal-2017 wara li kien ħa t-tmexxija tat-tim mingħand Zoran Popovic. Hu mexxa lit-tim Belti għar-rebħ tal-24 kampjonat kif ukoll l-FA Trophy fl-istaġun li għadda.

Valletta taħt it-tmexxija ta’ Doncic rebħu wkoll is-Super Cup f’Diċembru li għadda kontra Balzan. Huma bħalissa jinsabu fit-tieni post fil-kampjonat punt wara Hibernians u fil-kwarti tal-finali tal-FA Trophy.