Is-Segretarjat Parlamentari li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tal-anzjani, taħt it-tmexxija tas-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, s’issa għadu ma fetaħ l-ebda investigazzjoni indipendenti b’rabta mal-allegat każ ta’ stupru fid-dar tal-anzjani fl-Imtarfa.
Ikkonferma dan l-istess Agius Decelis, li meta mistoqsi minn dan is-sit iddikjara li s’issa hemm biss l-investigazzjoni tal-Pulizija: “Il-persuna nvoluta f’dan il-każ għalissa ma tistax tidħol fi proprjetà tal-Gvern. Ladarba titlesta l-investigazzjoni tal-Pulizija, imbagħad naraw x’azzjoni oħra nistgħu nieħdu aħna.”
Kien Net News li żvela dan il-każ fejn jidher li mara ta’ 23 sena li taħdem bħala ‘cleaner’ fid-dar, allegatament sfat aggredita u stuprata minn carer li jidher li hu barrani u jaħdem fl-istess dar.
Dwar il-każ, li seħħ il-Ħadd għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, is-Segretarjat ikkonferma biss wara r-rapporti tas-sit NetNews.com.mt.
L-investigazzjoni mill-Pulizija bdiet wara li l-allegata vittma nfurmat lill-amministrazzjoni tal-istess residenza, u s-superjuri tagħha għamlu rapport.