Lokali Parlament

16-il Kunsill Lokali ħadu fondi mill-“Planning Gain”

Il-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar qal li 16 -il Kunsill Lokali ħadu fondi lokali magħrufa bħala Planning Gain biex iwettqu 22 proġett differenti. Meta kien qed jitkellem waqt l-aġġornament, Cutajar semma’ fost l-oħrajn il-kunsill lokali tal-Mosta li ħa fondi għall-proġetti ta’ restawr, dak tas-Siġġiewi li jniedi Night Shelter u San Pawl il-Baħar bi proġett tal-bini mill-ġdid tal-pixxina tas-Sirens.

Id-deputat Nazzjonalista qal li minkejja l-kritika li ssir lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, il-kunsill flimkien mal-klabb tal-waterpolo tas-Sirens embarka fuq proġett ta’ pixxina ġdida għal San Pawl il-Baħar. Proġett li skont il-kelliemi, huwa wieħed bżonnjuż għat-tramuntana tal-pajjiż.

Huwa qal li minn dan il-proġett se jgawdu ukoll t-tfal tal-iskola ta’ San Pawl li se jkunu jistgħu jużawha waqt il-ħin tal-iskola. Dwar il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl, Cutajar qal li l-problemi nibdtu għaliex mhux kulħadd qed jiġbed ħabel wieħed.

Kunsillera jitilqu mil-laqgħa biex jintilef il-quorum u deċiżjonijiet ma jittieħdux. Huwa semma’ il-bżonn tal-infurzar f’ San Pawl dwar il-ġbir tal-iskart u appella għas-sens ċiviku min-naħa tan-nies.