Lokali Unjoni Ewropea

Bżonn ta’ aktar prevenzjoni kontra d-dijabete – Francis Zammit Dimech

Qed tkompli tiżdied il-ħtieġa li niġġieldu l-kundizzjoni tad-dijabete billi nżidu l-prevenzjoni u naraw x’tip ta’ ikel nieklu u xi stil ta’ ħajja ngħixu.

Hekk qal il-Membru Parlamentari Ewropew Malti Francis Zammit Dimech fi tmiem laqgħa ma’ professjonisti miġbura fl-Isptar Mater Dei. Permezz ta’ dawn il-laqgħat, hu qed jifformola għadd ta’ proposti, li mbagħad ikun jista’ jressaqhom fil-Parlament Ewropew.

Francis Zammit Dimech innota kif il-ġlieda kontra d-dijabete għandha titqies bħala waħda importanti għax tolqot lil settur kbir tas-soċjetà.

Matul il-laqgħa, kien innutat ukoll il-fatt li filwaqt li fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea huma medja ta’ 10 fil-mija dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni, f’pajjiżna, l-ammont jitla’ għal 18 fil-mija.

Hu għalhekk, li kien enfasizzat il-fatt li d-dijanjożi tibda sa minn kmieni … saħansitra meta wieħed jagħlaq 40 sena. Għax aktar ma tinduna malajr, aktar tkun tista’ tikkonotrollaha.

L-MEP elett f’isem il-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn qawwi li f’Malta wkoll tiżdied fis-Servizz Nazzjonali l-mediċina l-ġdida, li s’issa għadha ma ġietx f’pajjiżna.