Bi kliemu l-Prim Ministru wera biċ-ċar li huwa ma jemminx fil-Kunsilli Lokali u wisq anqas jemmen fil-hamlets. Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li nhar il-Ħadd sema’ id-diskors tal-Prim Ministru li fih fost ħafna affarijiet oħra, tkellem dwar il-hamlets u dwar din il-mozzjoni li qed inressqu bħala Oppożizzjoni. Semma kif hemm uħud mill-Kunsilli Lokali li mhumiex qegħdin itejjbu s-sitwazzjoni fil-lokalità tagħhom.
Huwa fatt li f’pajjiżna għandna wħud mill-Kunsilli Lokali li mhux qegħdin jilħqu l-aspettattiva tar-residenti tal-lokalità tagħhom. Għal din is-sitwazzjoni jista’ jkun diversi raġunijiet li wieħed irid jieħu azzjoni dwarhom u mhux jgħid li għax Kunsill Lokali wieħed mhux qed jaħdem kif suppost allura għandhom jitneħħew il-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u Għawdex.
Ħafna, inkluż membri ta’ din il-Kamra, donnhom ma jafux li l-kunċett tal-hamlets kien jeżisti mill-bidu nett tat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali. Infatti jekk wieħed iħares lejn l-Att dwar il-Kunsilli Lokali jara li l-kunċett kien inkluż fit-test oriġinali. U għal dan hemm raġuni. Meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali kien importanti ħafna li l-liġi tirrikonixxi l-komunitajiet kollha li jinsabu f’Malta u f’Għawdex, huma kemm huma żgħar.
Nafu li ġeografikament pajjiżna mhux biss huwa maqsum f’lokalitajiet iżda wkoll hemm irħula żgħar… villaġġi żgħar li jiffurmaw parti minn lokalitajiet li huma ferm ikbar minnhom. Dan ir-rikonoxximent f’liġi dwar it-twaqqif tal-Kunsilli Lokali kien xi ħaġa pożittiva ħafna. U llum qegħdin hawn b’din il-mozzjoni biex niżguraw li dak li nbeda 26 sena ilu, jinżamm u jissaħħaħ u mhux jinqered.
Karol Aquilina qal li kieku il-Gvern u l-Prim Ministru tassew jemmnu fil-Kunsilli Lokali ma kienux jieħdu din id-deċiżjoni żbaljata… imma kienu jfittxu li jagħtu aktar poteri u finanzi lill-Kumitati Amministrattivi. U dan jista’ jsir għaliex l-għodda diġà teżisti. Aħna jekk wieħed iħares lejn kif żviluppaw il-Kunsilli Lokali wieħed jara li kien hemm żvilupp kbir fl-ogħti tal-funzjonijiet li ġew fdati bihom.
Dan l-iżvilupp wassal biex illum-il ġurnata r-residenti jqisu lill-Kunsilli Lokali bħala l-ewwel istituzzjoni li jirrikorru għandha dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-lokalità tagħhom. Jirrikorru għand il-Kunsill Lokali saħansitra għal dawk l-affarijiet li huwa ovvju li l-Kunsilli m’għandhom l-ebda responsabbilità jew funzjoni dwarhom. Aħna rridu li l-hamlets, il-Kumitati Amministrattivi, wkoll jsiru l-punt ta’ referenza għal dawn is-sittax-il komunità huma kemm huma kbar jew żgħar.
IĊAĦĦDU D-DRITT GĦAL VOT LIL 18,500 PERSUNA
Aquilina kompla jgħid li din id-deċiżjoni tal-Gvern tfisser li aktar minn 18,500 persuna qegħdin jiġu mċaħħda mid-dritt tal-vot tagħhom li bih jeleġġu l-membri tal-Kumitat Amministrattiv li jieħu ħsieb il-hamlet fejn huma jgħixu.
Hamlet | Votanti reġistrati fl-2018* |
Marsalforn fil-lokalità taż-Żebbuġ (Għawdex) | 1065 |
Xlendi fil-lokalità tal-Munxar (Għawdex) | 401 |
Santa Luċija fil-lokalità ta’ Kerċem (Għawdex) | 383 |
Paceville fil-lokalità ta’ San Ġiljan | 898 |
Kappara fil-lokalità ta’ San Ġwann | 1955 |
Madliena fil-lokalità tas-Swieqi | 1206 |
Bubaqra fil-lokalità taż-Żurrieq | 2034 |
Fleur-de-Lys fil-lokalità ta’ Birkirkara | 1199 |
Tal-Virtù fil-lokalità tar-Rabat | 499 |
Ħal Farruġ fil-lokalità ta’ Ħal Luqa | 600 |
St Peter’s fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar | 1115 |
Is-Swatar fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara u l-Imsida | 2997 |
Burmarrad fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar | 757 |
Il-Baħrija fil-lokalità tar-Rabat | 1208 |
Baħar iċ-Ċagħaq fil-lokalità tan-Naxxar | 816 |
Gwardamanġa fil-lokalità tal-Pietà. | 1212 |
Total: | 18345 |
Din hija l-lista tan-numru ta’ votanti f’kull komunità li skont wieħed mill-aktar reġistri elettorali riċenti għandhom id-dritt li jivvutaw għall-hamlets iżda li bl-Avviż Legali li ppubblika l-Gvern ser jiġu mċaħħda minn dan id-dritt:
Allura għandna mat-18,500 persuna li mhux ser ikunu jistgħu jivvutaw għall-Kumitat Amministarttiv tal-komunità tagħhom u dan minħabba li l-Gvern iddeċieda li jċaħħdahom mid-dritt tal-vot tagħhom.
Dan ma jista’ jkun qatt aċċettabbli għaliex imur għal kollox kontra l-iżvilupp demokratiku ta’ pajjiżna fl-aħħar 26 sena. Aħna mxejna minn pajjiż li jivvota darba kull 5 snin biss biex jeleġġi Parlament u allura Gvern, għal pajjiż li jivvota tal-inqas darba kull 3 snin għall-Kunsilli Lokali (u dan il-Gvern ġabhom jivvutaw darba kull 5 snin), darba kull ħames snin ukoll għall-Membri tal-Parlament Ewropew u fejn ikun hemm kwistjonijiet jew temi partikolari bir-referenda fuq bażi nazzjonali.
Qal li jrid jagħmel parentesi hawn hekk dwar xi ħaġa li jipprovdi l-Att dwar il-Kunsilli Lokali iżda li s’issa qatt ma ntużat u ċjoè l-obbligu li fejn Kunsill ikun ser jagħmel nefqa li l-ħlas tagħha jeċċedi s-sitt snin jorganizza referendum biex ir-residenti japprovaw jew jivvutaw kontra dik il-proposta. Minn mistoqsija parlamentari li għamilt reċentament ħareġ li mis-sena 2013, l-ebda Kunsill Lokali ma’ organizza referendum. Madankollu huwa pożittiv li saru numru ta’ referenda dwar diversi suġġetti f’numru ta’ lokalitajiet.
APPELL BIEX IL-GVERN IBIDDEL ID-DEĊIŻJONI
Aquilina appella lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis u lill-Ministru Owen Bonnici u lill-Gvern kollu kemm hu sabiex jirrevedu din id-deċiżjoni. Mhux biex ikunu taw raġun lill-Oppożizzjoni imma biex ikunu rrispettaw u pproteġew id-dritt tar-residenti ta’ dawn il-hamlets li jeleġġu r-rappreżentanti tagħhom kif tgħid il-liġi.
Dan hu appell sinċier biex jirbaħ is-sens komun fuq l-għaġġla… biex tirħab id-demokrazija fuq l-impożizzjoni ta’ min imexxi.
Aħna bħala Oppożizzjoni miftuħin biex ikollna tassew riforma li tkun pożittiva għall-komunitajiet tagħna. Aħna miftuħin li jkollna Kunsilli Lokali u Kumitat tal-Hamlets li jkunu jistgħu jwettuq r-rieda tar-residenti tagħhom kif espressa fl-elezzjonijiet li jsiru. Imma jridu jsiru l-elezzjonijiet u mhux jiġi mħassra bħal ma jrid li jsir il-Gvern permezz ta’ dan l-Avviż Legali.