TOTTENHAM…………………….. 1
H. Lloris, K. Trippier, T. Alderweireld, J. Vertonghen, D. Rose, M. Sissoko, H. Winks (V. Wanyama 81’), C. Eriksen, D. Alli (F. Llorente 87’), H. Min Son, H. Kane (L. Moura 58’)
MANCHESTER CITY…………… 0
Ederson, K. Walker, N. Otamedi, A. Laporte, F. Delph, Fernandinho, I. Gundogan, D. Silva (K. De Bruyne 89’), R. Mahrez (L. Sane 89’), R. Sterling, S. Aguero (G. Jesus 71’)
Imwissija: D. Rose 12’ (T), A. Laporte 28’, R. Mahrez 59’ (M)
Skorjaw: H. Min Son 79’ (T)
Referee: Bjorn Kuipers (Olanda)
It-tieni gowl konsekuttiv ta’ Heung-Min Son fit-tieni logħba fl-istadium il-ġdid, tat rebħa minima lil Tottenham Hotspur fuq Manchester City. Fatt importanti kien li Tottenham ma sofrewx gowl u jieħdu l-vantaġġ ta’ gowl fl-Etihad Stadium il-ġimgħa d-dieħla biex jippruvaw jaslu għall-ewwel semifinali mill-1962.
Manchester City tilfu l-aħħar ħames logħbiet kontra avversarji Ingliżi f’logħbiet Ewropej u kienu eliminati fit-tliet logħbiet preċedenti f’knock-out taċ-Champions League meta tilfu l-ewwel leg.
L-ewwel ċans ta’ Tottenham wara tmien minuti bi kross mix-xellug lejn Dele Alli li prova mill-ewwel minn pożizzjoni ċentrali iżda l-konklużjoni għaddiet fuq il-mimduda.
Manchester City setgħu marru fil-vantaġġ fit-13-il minuta meta permezz tal-VAR, ir-referee Bjorn Kuipers ordna penalty għal xutt ta’ Raheem Sterling li ħabat ma’ id Danny Rosse fit-tentattiv li jimblokka l-ballun. Iżda mill-11-il metru Hugo Lloris salva tajjeb ix-xutt ta’ Sergio Aguero.
Ċans għal Harry Kane fl-24 minuta b’xutt mill-kaxxa li kien salvat tajjeb minn Ederson. Il-kumplament tat-taqsima baqgħet bilanċjata, b’Manchester City joħolqu l-ewwel periklu tat-tieni taqsima fis-47 minuta, b’xutt fil-baxx ta’ Raheem Sterling li kien salvat tajjeb minn Lloris.
Tottenham wieġbu minuta wara b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Heung-Min Son li għadda ftit barra. It-tim minn Londra sofra daqqa ta’ ħarta ftit qabel is-siegħa logħob meta weġġa’ l-attakkant Harry Kane u kellu jinbidel.
Tottenham għamlu madwar kwarta jsofru l-pressjoni tal-avversarji iżda fid-79 minuta skorjaw il-gowl li spiċċa biex tahom ir-rebħa. Kien HEUNG-MIN SON l-ewwel għeleb in-nasba tal-offside u wara kontroll difettuż, żamm il-ballun fuq il-linja qabel qabeż lil Fabian Delph u għeleb lil Ederson b’xutt fil-baxx bix-xellug.
Wara l-gowl, Manchester City tefgħu lil Tottenham fid-difiża biex jippruvaw jiskorjaw il-gowl importanti li iżda ma wasalx.
//= $special ?>