Lokali Qorti

Jitressaq Indjan akkużat li stupra impjegata f’Dar tal-Anzjani

Raġel ta’ 31 sena imwieled l-Indja u resident r-Rabat it-Tlieta tressaq il-Qorti akkużat fost oħrajn bi stupru ta’ mara ta’ 23 sena mid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa.

Sandesha Shetty, tressaq il-Qorti akkużat li l-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-10 ta’ filgħodu, stupra lil mara li taħdem bħala fattiga fl-istess Dar tal-Anzjani. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Monica Vella ordnat divjet fuq il-pubblikazzjoni ta’ isem il-vittma.

Shetty kien mixli wkoll mill-Ispetturi John Spiteri u Stacy Attard li żamm lill-vittma kontra l-volonta’ tagħha u li wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-persuna l-oħra.

Hu kien akkużat ukoll li fil-jiem u fil-ġimgħat ta’ qabel, wettaq għemil li hu degradanti u intimidanti fil-konfront tal-vittma.

Shetty wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Id-Difiża ma’ talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputat qed jinżamm taħt arrest preventiv.

Kien Net News li l-Ħadd li għadda żvela dan l-allegat każ ta’ stupru fuq impjegata minn carer fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa. Eventwalment kemm il-Pulizija kif ukoll is-Segretarjat għall-Anzjani ikkonfermaw l-inċident u li għaddejja investigazzjoni. L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jassistu lill-akkużat.