Futbol Sport

Klopp jgħid li Liverpool jinsabu fl-aqwa forma iżda jwissi biex ma jiħdux lil Porto faċilment

(Ritratt: EPA)

Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp qal li t-tim bħalissa hu fl-aqwa forma u sostna li dan l-istaġun iridu jiktbu paġna fl-istorja tal-klabb, hekk kif illum jilqgħu f’Anfield lil Porto.

Hu iżda wissa li ma għandhomx jieħdu l-avversarji faċilment. Il-Ġermaniż żied li ma riedx li jilgħab kontra Porto iżda fl-istess ħin ħadd ma ried jilgħab kontrihom. Madankollu jinsab ħerqan għal din il-logħba.

Klopp jinsab kunfidenti li Virgil van Dijk u Georginio Wijnaldum kapaċi jirkupraw wara li għandhom daqqiet żgħar. Il-plejers Olandiżi kienu fost il-plejers bi problemi wara r-rebħa ta’ nhar il-Ġimgħa kontra Southampton. Id-difensur ċentrali Joe Gomez jista’ jkun fl-iskwadra wara li ilu nieqes minn Diċembru filwaqt li Adam Lallana għadu qed jirkupra. Andy Robertston se jkun sospiż.

Liverpool għadhom qatt ma tilfu logħba Ewropea kontra Porto f’sitt konfronti preċedenti, u għaddew f’erba’ okkażjonijiet mill-aħħar ħamsa f’dan l-istadju.

Il-kowċ ta’ Porto Sergio Conceicao qal li t-tim tiegħu mhux qed ifittex tpattija. Fl-istaġun li għadda, Liverpool kienu eliminaw lil Porto mal-aħħar 16, bit-tim ta’ Klopp jiskorja l-gowls kollha fl-ewwel leg fil-Portugall.

Porto qed ifittxu li jasu sas-semifinali tal-kompetizzjoni għall-ewwel darba mill-istaġun 2003/04 meta spiċċaw biex rebħu l-kompetizzjoni taħt it-tmexxija ta’ Josè Mourinho.

Il-plejers ta’ esperjenza Hector Herrera u Pepe jinsabu mal-iskwadra minkejja li huma sospiżi filwaqt li Eder Militao, Otavio u Danilo kollha jinsabu karta safra bogħod milli jitilfu l-partita ta’ ritorn. Id-difensur Alex Telles jinsab dubjuż.

L-attakkant ta’ Porto Moussa Marega qed ifittex li jsir biss ir-raba’ plejer fl-istorja taċ-Champions League li jiskorja f’seba’ logħbiet konsekuttivi wara Edinson Cavani, Ruud van Nisterlrooy u Cristiano Ronaldo.