Lokali

L-Air Malta għandha d-dejn mal-Enemed

Il-Ministru Konrad Mizzi ammetta li l-Air Malta għandha d-dejn mal-Enemed. Izda, mistoqsi għal darba darbtejn minn Net News, Konrad Mizzi ma riedx jgħid kemm ghandha tagħti il-linja nazzjonali tal-ajru lill-Enemed.

CL-Air Malta ghandha d-dejn mal-Enemed rigward ħlasijiet ta’ fuel għall-ajruplani. Dan fil-fatt ammettieh il-Ministru Konrad Mizzi iktar kmieni din il-ġimgħa fil-Parlament bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar.

Ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Konrad Mizzi ħareġ jiftaħar li l-Air Malta għamlet il-qliegħ. Iżda bħal kull ħaġa li jmiss magħha Konrad Mizzi, wieħed irid jara lil hinn minn dak li jidher u jipprova jiskopri dak li hu moħbi.

Fil-fatt, rapporti persistenti jgħidu li filwaqt li l-Air Malta għamlet qliegħ rappurtat ta’ ftit iktar minn miljun ewro, l-istess Air Malta għandha dejn mal-kumpanija

Enemed li jlaħħaq l-20 miljun ewro.

Fil-Parlament Konrad Mizzi qal li l-Air Malta m’għandhiex dejn fl-ammont imsemmija imma ammetta li hemm djun fil-konfront tal-Enemed u qal li dawn qed jitħalls.

F’Mistoqsija Parlamentari oħra, id-Deputat Ryan Callus staqsa jekk hux minnu li l-Air Malta għandha mill-inqas 10 darbiet aktar dejn milli għandha qliegħ.Il-Ministru Konrad Mizzi għal darb’oħra ma weġibx iżda fl-istess waqt qal li l-Air Malta għandha dejn mhux biss mal-Enemed iżda anki ma’ kredituri oħrajn.