“F’Malta hemm istituzzjonijiet, imma dawn l-istituzzjonijiet ma jikxfu xejn”.
Waħda minn sensiela ta’ stqarrijiet magħmula mir-rapporteur speċjali tal-Kunsill tal-Ewropa u Deputat Olandiż Pieter Omtzigt waqt assemblea li saret fil-Kunsill tal-Ewropa, u li trattat rapport imħejji mill-istess Omtzigt.
Omtzigt elenka għadd twil ta’ nuqqasijiet mill-Awtoritajiet. Hu tkellem dwar kif ir-rapport Egrant baqa’ ma ġiex ippubblikat minkejja l-wegħdi li dan kien se jsir. Hu tkellem ukoll dwar kif Malta hi l-unika pajjiż li rat Qorti tal-appell tagħlaq investiġazzjoni “minħabba nuqqas ta’ provi”. L-unika pajjiż li għalih, il-Panama Papers infushom mhumiex provi.
Omtzigt tkellem dwar il-falliment mill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet li ma jaġixxux b’mod effettiv f’każi evidenti ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Id-deputat Olandiż kemm-il darba għamel referenzi espliċiti għal Konrad Mizzi u Keith Schembri fid-diskors tiegħu. Hu jgħid li ma nafux jekk ġietx preżervata l-evidenza tal-allegata korruzzjoni minn uffiċċjali għolja tal-Gvern Malti.
Hu tkellem fit-tul dwar in-nuqqasijiet kbar fit-tmexxija tal-investigazzjoni fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, qal li 18-il xahar wara l-qtil, għad m’hemm l-ebda ħjiel min hu l-mandant, u qal li Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga lill-Prim Ministru u dawk qrib tiegħu – l-istess Prim Ministru li jagħżel hu il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-Ġudikatura.
Omtzigt jistaqsi għalfejn għadna mingħajr ħjiel ta’ min hu l-mandant u x’inhu jżomm milli jissolva l-każ – jekk hux in-nuqqas ta’ riżorsi, in-nuqqas ta’ rieda politika, jew saħansitra xi ħaġa iktar minn hekk.
L-Avukat Ġenerali Peter Grech kif ukoll il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici kellhom iwieġbu għal mistoqsijiet fl-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa minn għadd ta’ kelliema fosthom mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Fir-risposti tiegħu Owen Bonnici insista li ma kienx jaqbel mal-istil ta’ kitba ta’ Caruana Galizia, ikkonferma li Brian Tonna kien konsulent tieghu, u li l-investigazzjoni fil-Panama Papers ma kienx hemm lok għaliha minħabba nuqqas ta’ provi. Kumment li għalih Omtzigt wieġeb li Malta hi l-unika pajjiż li jaf bih fejn il-Panama Papers mhumiex evidenza.
//= $special ?>