Lokali Qorti

“L-immigranti kienu se jikkomettu suwiċidju” – il-Kaptan ta’ El Hiblu 1

Il-Kaptan tal-vapur El Hiblu 1, qal li l-immigranti li kienu abbord ordnawlu biex idawwar ir-rotta lejn l-Ewropa, u li fin-nuqqas ta’ dan kienu se jikkomettu suwiċidju. Huwa qal li hekk kiif kien se jdawwar ir-rotta lejn il-Libja, numru ta’ immigranti bdew iħabbtu mal-kabina tiegħu fejn hemm kien hemm ukoll l-ekwipaġġ.

Dan ħareġ hekk kif it-Tlieta filgħodu bdiet il-kumpilazzjoni ta’ tliet żgħażagħ mill-Guinea, li għad għandhom 15,16 u 19-il sena fejn dawn qegħdin jiġu akkużati li ħatfu bastiment fl-ibħra territorjali ta’ Malta, u li jagħmlu ħsara u heddew li jweġġgħu lil dawk preżenti. Huma ġew akkużati wkoll li ħatfu l-bastiment bil-forza, arrestaw u żammew kontra r-rieda tiegħu l-ekwipaġġ tal-bastiment, li bidlu r-rotta tal-bastiment, ikkawżaw biża’ li se tintuża vjolenza kontra l-ekwipaġġ, fost oħrajn.

Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, f’awla mimlija persuni fosthom rappreżentati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, rappreżentati tal-Forzi Armati ta’ Malta flimkien mal-Avukati Malcolm Mifsud, Neil Falzon u Gianluca Cappitta, li qed jidhru għall-akkużati.

Il-Qorti ddeċidiet li tisma’ x-xhieda kollha fil-jum tat-Tlieta u fil-fatt wara waqfa ta’ ftit aktar minn siegħa għal ikel, il-każ kompla jinstema wara nofs inhar.

Minn naħa tagħha l-Prosekuzzjoni mmexxija minn Omar Zammit mit-Taqsima Kontra t-Terrrożimu qal li fix-xhieda, li l-Kaptan qallu li t-tanker ta l-għajnuna lil 100 immigrant li kienu f’diffikultà fuq dinghy wara li ntalab jassisti minn aircraft ta’ operazzjoni tal-Unjoni Ewropea Nav Sofia. 

L-ispettur qal li l-Gwardja tal-Kosta Libjana infurmaw lit-tanker li ser jibagħtu bastimenti biex isalvaw lill-immigranti iżda wara sigħat ta’ stennija l-għajnuna ma waslitx, bil-kaptan dawwar ir-rotta lejn il-Libja. Kien hawn li numru ta’ immigranti bdew iħabbtu mal-kabina tal-kaptan fejn kien hemm ukoll miġbura l-membri tal-ekwipaġġ.

Qal li wieħed mill-immigranti ddaħħal fil kabina biex jiddiskuti iżda l-immigranti riedu li jidħlu tnejn. Intqal li l-immigranti użaw għodod bħal martell u spanner li nġabru minn fuq it-tanker stess. Ħadd mill-ekwipaġġ jew l-immigranti ma ndarab.

L-ekwipaġġ sostna, x-xhud, ma ġralhom xejn, jiġifieri li l-immigranti ma weġġgħu lil ħadd u ma ntużax vjolenza fiżika iżda huma beżgħu li jiġri dan, skont l-Ispettur. Jidher li ċ-Chief Officer qal fuq l-VHF li l-awtoritajiet Maltin li kienu fi triqthom lejn Malta, jgħidilhom li huma ‘taħt attakk’.

Il-Forzi Armati Malta saqsew liċ-Chief Officer malli kienu qrib Malta, jekk kienux fil-kontroll tal-bastiment, bl-ekwipaġġ iwieġbu iva. Wieħed mill-immigranti akkużati jitkellem tajjeb Ingliż ħalla stqarrija fejn qal li huwa kien it-traduttur.

L-immigranti qalu lill-ekwipaġġ li jippreferu jmutu milli jmorru l-Libja. Fid-dikjarazzjoni li ta l-immigrant li jitkellem l-Ingliż, qal li l-immigranti użaw għodda fuq id-dgħajsa u heddew li se jweġġgħu lilhom infushom jekk se jittieħdu l-Libja jew ikissru l-bastiment. L-Ispettur Zammit jgħid li fid-dikjarazzjoni tiegħu ż-żgħażugħ li jitkellem Ingliż qal li madwar 20-25 persuna qabdu l-għodda u bdew issabtu biha.

L-ewwel l-uffiċjal tal-AFM tela’ jixhed u dlonk il-Maġistrat ordna li l-ismijiet u l-kariga tal-uffiċjali tal-AFM ma jiġux mxandra fuq l-mezzi tal-midja. L-uffiċjal qal li l-ajruplan ta’ EUNAVFORMED informa lill-armata li kien hemm bastiment aħmar li kien fi triqtu lejn it-tramunata. Wara l-ajruplan għamel interrogazzjoni ta’ rutina lill-bastiment, l-ajruplan informa lill-awtoritajiet Maltin li kien hemm l-immigranti abbord u li kienu sejrin lejn it-tramuntana ta’ Malta.

L-ajruplan tal-AFM KingAir beda jagħmel moniteraġġ tas-sitwazzjoni. L-ajruplan għamel kuntatt mal-bastiment biex jara x’kienu l-intezzjonijiet tal-bastiment. Bil-kaptan jgħid lill-ajruplan li ma jistax jieqaf li se jkomplu lejn Malta u li l-bastiment kien taħt attakk. Il-kaptan qal lill-AFM li jinsabu taħt attakk ta’ piraterija.

L-ajruplan tal-AFM baqa jipprova jitkellem mal-Kaptan, bil-kaptan jgħid li mhux f’pożizzjoni li jitkellem. Fl-aħħar il-kaptan qal li s-sitwazzjoni hi waħda kerha, u li se jkompli lejn il-Belt.

Meta mistoqsi mill-AFM dwar jekk il-kaptan hux fil-kontroll tal-bastiment, il-Kaptan wieġeb li mhux fil-kontroll tal-bastiment iżda li qiegħed taħt pressjoni. Qabel l-ajruplan KingAir ma daħal lura Malta, informa lill-bastiment El Hiblu 1 li ma għandu l-ebda dritt jidħol Malta.

Il-Gwardja tal-Kosta Libjana infurmat lill-Forzi Armati ta’ Malta li huma kienu għamlu kuntatt ma’ El Hiblu 1, u li f’daqqa waħda dan biddel id-direzzjoni. Il-Gwardja tal-Kosta Libjana kompliet tgħid li dan jaf seta’ ġara minħabba li xi nies abbord setgħu ħadu taħt il-kontroll tagħhom il-bastiment u għalhekk inbidlet id-direzzjoni.

L-uffiċjal kompla jispjega li l-AFM komplew jagħmlu sorvelljanza tal-bastiment sakkem wasal madwar 24 mil nawtiku patrol vessel tal-AFM interċettat il-bastiment El Hiblu. Għal darb’oħra saret interrogazzjoni biex tara x’inhuma l-intezzjonijiet tal-kaptan u jekk jafx li ma jistax jidħol ġo l-ibħra Maltin.

Il-Kaptan qal ‘Ok sir, imma l-bastiment mhux taħt il-kontroll tiegħi’. Kompla jispjega li dak il-ħin bdew jinstemaw l-immigranti fuq il-VHF. Meta mistoqsi x’instema fuq il-VHF l-uffiċjal qara mir-recording ‘Please, please we cannot go back, we have children, three days no food, please we cannot go back‘. L-uffiċjal qal ma jistax jikkonferma minn qal dan il-kliem.

Il-Kaptan ta’ P21 staqsa lill-Kaptan ta’ El Hiblu 1 jekk għadux bla kontroll tal-bastiment tiegħu, dan wieġeb iva. L-AFM saqsa lill-Kaptan jekk kienx hemm persuni mweġġa’ fuq il-bastiment, bil-kaptan tal-El Hiblu jgħid li ħafna ġġieldu miegħu għax ma rridx jibdel ir-rotta lejn Malta. Il-P21 spjega li se jkun hemm riperkussjonijiet talli ntużat il-forza.

Meta kien il-barra madwar 29 mil nawtiku il-barra mill-kosta ta’ Malta, il-P21 informa l-Kaptan jekk il-bastiment għadu mhux taħt il-kmand tiegħu u jekk l-ekwipaġġ għadu mhedded dan għandu jipproċedi għall-pożizzjoni li ngħata.

P21 ta żewġ pożizzjonijiet lil El Hiblu, kemm f’ibħra Maltin u kemm il-barra. Il-Patrol Boat kienet madwar mil nawtiku ‘l bogħod minn El Hiblu meta ngħataw dawn iż-żewġ pożizzjonijiet. L-Uffiċjal spjega li din id-distanza żammewha anki għax kienu għadhom f’ibħra internazzjonali u ma kellhomx ġurisdizzjoni biex jintervjenu.

Ladarba El Hiblu daħal fl-ibħra territorjali Maltin, l-uffiċjal spjega li Patrol Boat oħra (P51) intbgħatet għall-pożizzjoni li ngħatat lil El Hiblu 1 fl-ibħra Maltin. Ma’ P51 kien hemm żewġ dinghies li fuqhom kien hemm l-ekwipaġġ biex jitla’ fuq El Hiblu.

L-uffiċjal kompla jispjega minħabba l-allegazzjoni li kien hemm ħtif, il-kmand iddeċida li jitla’ fuq il-bastiment. Qabel ma ġara dan mill-uffiċjali tal-AFM, il-kaptan reġa’ ġie mistoqsi. Huwa kien mistoqsi jekk kienx fil-kmand tal-bastiment, bil-kaptan ta’ El Hiblu 1 jgħid li f’dak il-ħin huwa kien fil-kmand tal-bastiment.

L-uffiċjal preżenta diversi dokumenti. Fosthom korrispondenza maċ-Ċentru tal-Koordinazzjoni Marittima ta’ Ruma għan-nom tal-Gwardja tal-Kosta tal-Libja għax din ma setgħetx tikkommunika ma’ El Hiblu. Kien l-MRCC ta’ Ruma li talab lil El Hiblu 1 jagħmel is-salvataġġ.

Wara beda l-kontro-eżami l-avukat tad-difiża saqsih minn fejn kienu ġejjin l-immigranti bl-Ispettur Zammit iwieġeb ‘They were fleeing from Libya like all immigrants’. L-avukat Mifsud isaqsih jekk jafx x’inhu għaddej il-Libja. L-Ispettur jwieġeb ħeq, naf mill-aħbarijiet.’

Mifsud ikompli jsaqsi għalfejn l-AFM telgħu fuq il-bastiment u għala wieħed minn dawk li kienu mitkellma ttieħed l-isptar.

L-Ispettur jgħid li ħadd ma kien imweġġa’ u ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza, iżda l-persuna ttieħed l-isptar minħabba li kien ma jiflaħx. Mifsud isaqsi jekk kienx jaf jekk kienx hemm armi fuq il-bastiment.

L-Ispettur jgħid li kien hemm għodda li tintuża fuq il-bastiment, bħal martell eċċ, iżda ma kienx hemm armi.

L-avukat Neil Falzon staqsa lill-Ispettur dwar l-instruzzjonijiet li ngħataw lill-kaptan mill-ajruplan tal-militar. L-ajruplan tal-militar qal lill-bastiment biex jagħmlu t-tfittxija tas-salvataġġ u li kellhom jiltaqgħu maż-żewġ bastimenti biex jittieħdu l-Ewropa.

Fil-Qorti xehed ukoll suldat tal-AFM li jaħdem fiċ-ċentru tal-operazzjoni. Huwa qal fl-ewwel kuntatt li sar mill-AFM, meta l-El Hiblu 1 kien 30 mil ‘il bogħod minn Malta, ma rriżultax li l-vapur kien inħataf. Qal li kien kwarta wara, f’kuntatt ieħor li l-kaptan qal li tilef il-kontroll tal-vapur. Spjega li l-kaptan irrepeta kemm-il darba li ma jistax jitfi l-magni u qal li l-bastiment tiegħu kien taħt attakk u li kellu jdawwar ir-rotta lejn Malta.

Qal li ċ-Ċentru tal-Operazzjoni semgħu wkoll lill-immigranti jitkellmu. Żied jgħid li kien hawn li l-awtoritajiet Maltin bdew jaħsbu li kien hemm xi ħaġa ħażina. Qal li fost l-oħrajn instema’ li l-immigranti kienu ilhom ma jieklu tlett ijiem.

Intant intqal ukoll li f’korrispondenza mal-AFM intqal li l-bastimenti li kellhom jassistu lill-bastiment ma ħarġux għax kellhom il-ħsara. Xhud ieħor mill AFM qal li saħqu biex il-bastiment jibdel ir-rotta iżda l-kaptan baqa’ jinsisti li m’għandux kontroll tal-bastiment u li kellu jibdel ir-rotta minn Tripli lejn il-Belt Valletta.

Qal li l-bastiment kien ta’ theddida għall-Istat Malti għax il-kaptan ma kellux kontroll. Kompla jgħid li meta daħal fit-territorju Malti ntbagħat ħelikopter viċin il-bastiment biex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa. Qal li kaptan ħa tmexxija tal-bastiment lura maż-żewġ mili ‘l ġewwa fit-territorju Malti. Il-Qorti ordnat divjett fuq l-ismijiet tal-imputati u l-ismijiet tal-uffiċjali tal-AFM.