Lokali

Maqbud b’€35,000 mhux iddikkjarati

Passiġġier mill-Georgia inqabad jipprova joħroġ minn pajjiżna b’€35,000 fi flus kontanti mhux iddikkjarati.

It-taqsima ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus fi ħdan id-Dipartiment tad-Dwana kienet qed tagħmel tfittxijiet ta’ rutina fuq titjiriet meqjusta bħala ta’ riskju għoli għal dat-tip ta’ transazzjonijiet, meta waqqfu lill-passiġġier li kien se jivjaġġa lejn Istanbul. Il-passiġġier ġie mitlub imur mal-uffiċċjali tad-dwana għal tfittxija fejn instab li kellu fuqu flus ta’ denominazzjonijiet u valuti differenti b’valur totali ta’ €35,000.

L-Uffiċċjali tad-Dwana kkonfiskaw €25,000 sakemm jiġu konklużi l-investigazzjonijiet, filwaqt li l-passiġġier inżamm arrestat mill-Pulizija tas-sezzjoni ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus.