Futbol Sport

Pele joħroġ mill-isptar f’Pariġi u jasal lura pajjiżu

Il-Brażiljan Pele jinsab lura pajjiżu wara perjodu fi sptar Franċiż u ttieħed mill-ewwel fi klinika f’Sao Pauolo għal aktar testijiet. It-tobba kkonfermaw li s-saħħa tiegħu tinsab tajba. Pele ddaħħal l-isptar ġimgħa ilu wara li sofra minn influwenza wara attività fil-kapitali Franċiża flimkien mar-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja Kylian Mbappe.

Pele li għandu 78 sena, kien qed isofri minn infezzjoni fl-urina u kien trattat b’antibijotiċi qabel ħareġ mill-isptar it-Tnejn li għadda. It-tobba qalu li l-infezzjoni li kellu kienet ikkurata iżda ma tawx aktar dettalji dwar dak li probabbli kienu testijiet ta’ rutina fi sptar li daħal fih diversi drabi fil-passat.

Pele li fil-karriera tiegħu lagħab fosthom ma’ Santos, hu kkunsidrat baħal wieħed mill-aqwa plejers li qatt lagħbu l-futbol. Hu l-uniku plejer li rebaħ it-Tazza tad-Dinja tliet darbiet u għadu jiġbed l-attenzjoni tad-dilettanti anki minħabba l-kariżma tiegħu.

Tags