Sejba oħra ta’ droga – f’14-il ġimgħa jinqabeż ir-rekord tal-2018

Suċċess ieħor għall-uffiċjali tad-Dwana fil-Port Ħieles.

S’issa din is-sena biss nqabdu aktar minn 512 kilogramma kokaina bil-valur li jlaħħaq kważi t-€58 miljun. Dan ifisser li f’14-il ġimgħa biss id-Dipartiment tad-Dwana kiser ir-rekord ta’ 284.7 kilogramma droga misjuba matul is-sena li għaddiet.

Dan hekk kif fl-aħħar sigħat instabu xejn inqas minn 24 kilogramma kokaina mqassma f’għoxrin pakkett. Il-valur fit-triq tad-droga, li nstabet f’kontejner ġej mill-Amerika t’Isfel fi triqtu lejn l-Albanija, tlaħħaq it-€2.7 miljun.

Din is-sejba twettqet jumejn biss wara li l-istess Dipartiment wettaq sejba ta’ 91 kilogramma kokaina.

Sadanittant l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kif ukoll infetħet inkjesta maġisterjali.