Lokali

Shais Bone ta’ 14-il sena tirbaħ l-ewwel edizzjoni ta’ AKILA

Ir-rebbieħa ta' Akila, Shais Bone

Shais Bone, studenta Furjaniża ta’ 14-il sena rebħet l-ewwel edizzjoni tar-reality show tal-immudellar, Akila li xxandar fuq Net Television. Hi tellgħet l-iżjed punti f’mixja twila ta’ 3 xhur sħaħ li ħadet lill-14-il parteċipant u parteċipanta  f’avventura mhux biss fil-gżira ċkejkna tagħna iżda wkoll f’Berlin jimxu mal-aqwa stilisti ewropej.

Ma kinitx faċli għal din l-istudenta li wkoll tilgħab il-basketball ma’ Hibernians li tirbaħ din l-edizzjoni għax kellha sfida qawwija, speċjalment mill-Għawdxija Sanja Bogdanovic li baqgħet tissielet sal-aħħar catwalk , minn Donna Micallef li hi mudella li dejjem qed tkabbar l-isem tagħha fl-isfera tal-moda f’Malta u anke minn Shemira Bonello li hi waħda mill-aqwa catwalkers fix-xena tal-pageants, li fil-fatt ġew fit-tieni, it-tielet u r-raba pożizzjoni rispettivament.

Shais mill-bidu bdiet turi t-talenti tagħha u tkabbarhom tul it-tliet xhur li għaddew fejn laqtet ukoll l-għajnejn ta’ stilisti u organizzaturi tal-Berlin Fashion Hall li reġgħu talbuha biex timxi fil-fashion shows fil-Ġermanja. Il-mixja tagħha dejjem kienet waħda eleganti u żgur li r-rebħa ta’ din edizzjoni kienet waħda mistħoqqa. Anke jekk l-parteċipanti l-oħra issieltu sal-aħħar u fil-fatt żgur li l-mudelli li ħadu sehem ma kienu jisirqu xejn li kienu huma r-rebbieħa speċjalment it-tlieta li spiċċaw  warajha b’differenza ta’ ftit mijiet ta’ punti.

Mitluba tikkumenta wara r-rebħ ta’ Akila li se jeħodha il-Ġermanja tirrenja l-catwalk, tieħu sehem f’fashion shows u photoshoots, Shais qalet hekk, “Qatt ma stennejta. Bdejt meta l-judges qaluli li ma nafx nimxi fil-casting u niftakar li erġajt ppruvajt il-mixja u ntagħżilt. Ftit xhur wara kelli nkun ir-rebbieħa. Daqshekk kien l-avvanz li għamilt bit-tagħlim li tgħallimt f’Akila, grazzi għal Janice Grech li tant kont fortunata li sibtha f’ħajti.

“Issa li Akila ntemm, nixtieq nuri li n-nies hemm barra jaraw kif qatt m’għandek taqta’ qalbek u tippersisiti fuq dak li tħobb tagħmel. Anke jekk nies madwarek jippruvaw juru li int ma kontx tajba biżżejjed. Aħdem b’mod iebes u dak li tixtieq jirnexxilek takkwistah. Iżda xejn ma jiġi faċli. Dejjem hemm xogħol iebes wara kull suċċess. Grazzi Akila għall-opportunitajiet kbar li tajtna.”

Erġa’ segwi l-programm Akila permezz ta’ Net On Demand.