Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“Ta’ tħassib li l-Avukat Ġenerali ma jridx jagħti assigurazzjonijiet dwar il-koperazzjoni mal-UAE” – David Casa

“Jidher li l-investigazzjonijiet intiżi biex ifallu”

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Ma jista’ qatt li ssir prosekuzzjoni tal-persuni nvoluti f’attivitajiet kriminali li nkixfu mill-iskandlu ta’ 17 Black jekk l-awtoritajiet Maltin ma jitolbux għall-provi mill-Għarab Emirati Magħquda. L-iskandlu ta’ 17 Black jinvolvu persuni fl-ogħla livelli tal-poter. F’kull każ li hemm involuti Konrad Mizzi u Keith Schembri, l-istituzzjonijiet jew ġew ipparalizzati jew inkella ħadmu biex jassiguraw li ma ssirx il-ġustizzja. U jidher li dan qed jerġa’ jseħħ.”

L-iskandlu ta’ 17 Black għandu implikazzjonijiet ukoll fuq l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Meta nqatlet, Daphne Caruana Galizia kienet qed taħdem fuq l-akbar leak ta’ informazzjoni li kienet irċeviet – id-dokumenti tal-Electrogas. Is-sid ta’ 17 Black hu d-direttur u x-shareholder tal-Electrogas.

David Casa iltaqa’ ma’ uffiċjali għolja fil-UAE dwar ir-rivelazzjonijiet ta’ 17 Black.

Riċentement, riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew sejħet lill-awtoritajiet Maltin biex jassiguraw li l-provi dwar 17 Black ikunu assigurati u biex jitolbu għall-koperazzjoni mal-UAE.