Futbol Sport

Żewġ gowls fl-ewwel taqsima jpoġġu lil Liverpool favoriti li jgħaddu għas-semifinali

(Ritratt: EPA)

LIVERPOOL…………………… 2

A. Becker, T. Alexander-Arnold, D. Lovren, V. van Dijk, J. Milner, Fabinho, J. Henderson, N. Keita, M. Salah, S. Mane (D. Origi 73’), R. Firmino (D. Sturridge 82’)

PORTO………………………….. 0

I. Casillas, M. Pereira (F. Santos 77’), Felipe, E. Militao, A. Telles, J. Corona, D. Pereira, O. Torres (B. Costa 73’), Otavio, Tiquinho (Y. Brahimi 62’), M. Marega

Imwissija: Tiquinho 17’, Felipe 61’ (P)

Skorjaw: N. Keita 5’, R. Firmino 26’ (L)

Referee: Antonio Mateu (Spanja)

Żewġ gowls fl-ewwel taqsima jpoġġu lil Liverpool favoriti li jgħaddu għas-semifinali b’rebħa ta’ 2-0 f’Anfield kontra Porto. Ir-rebħa kontra l-Portugiżi kienet meritata hekk kif ikkontrollaw skont ir-ritmu tagħhom u dehru l-aktar tim li seta’ jiskorja.

Liverpool kellhom bidu mill-aqwa u fetħu l-iskor wara biss ħames minuti meta Sadio Mane qassam lejn Roberto Firmino fil-kaxxa li kompla lejn NABY KEITA. Il-midfielder ikkontrolla u b’xutt li kien imxellef għeleb lil Iker Casillas biex skorja t-tieni gowl konsekuttiv.

Mohamed Salah seta’ rdoppja fit-22 minuta iżda wiċċ imb wiċċ ma’ Casillas ixxuttja ftit barra fil-baxx. Huma rduppjaw erba’ minuti wara b’passaġġ intelliġenti ta’ Jordan Henderson lejn Trent Alexander-Arnold li mil-lemin tefa’ kross lejn ROBERTO FIRMINO li minn quddiem il-lasta kompla għal ġewwa.

Porto pprotestaw għal penalty man-nofs siegħa logħob meta l-ballun deher jaħbat ma’ id Alexander-Arnold, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, ittieħdet id-deċiżjoni li d-difensur Ingliż kien barra l-linja.

Liverpool kienu ħasbu li skorjaw it-tielet gowl fid-49 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ Sadio Mane wara kross ta’ Henderson, iżda r-referee Antonio Mateu ħassar il-gowl għal offside permezz tal-VAR.

Porto pruvaw jidħlu fil-logħba fl-aħħar kwarta. Fit-78 minuta Moussa Marega kien perikoluż b’xutt li għada fuq in-naħa ta’ barra tax-xibka u tliet minuti wara naqas li jinkwadra l-lasta minn pożizzjoni tajba.

Liverpool saħansitra ssugraw li jispiċċaw il-logħba b’għaxar plejers fl-84 minuta għal daħla ta’ Mohamed Salah fuq Danilo Pereira, iżda l-azzjoni ma kelliex l-intervent tal-VAR.