Lokali

ALP: Skola li offriet tama għall-istudenti

Minn studenti li għas-sistemà edukattiva tradizzjonali kienu mitlufa, l-iskola vokazzjoni ALP ta’ Raħal Ġdid qed toħloq opportunitajiet lil żgħażagħ f’livell sekondarju u post-sekondarju li mill-ġdid jistgħu jaspiraw li jibnu l-futur tagħhom u jaħdmu biex il-ħolm isir realtà.

Fost l-istejjer ta’ suċċess Christie Marie Farrugia, Lydon Delia Zahra u Ryan Zammit, li llum-il ġurnata huma studenti tal-MCAST.

Wieħed mill-proġetti li wettqu fl-ALP, hu filmat dwar kif wieħed għandu jiddisponi miż-żejt tat-tisjir li llum hu mal-finalisti f’kompetizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tgħan-Nuqqas tal-Iskart.

Meta wieħed jitkellem mal-istudenti, mill-ewwel tispikka l-kuntentizza tagħhom u fuq kollox l-ambizzjonijiet mhux biss li jsibu xogħol, imma saħansitra li jkunu jistgħu jmexxu n-negozju tagħhom stess.

Dan anke grazzi għall-faċilitajiet għad-dispiżizzjoni tagħhom, b’apparat u laboratorji ta’ kwalità.

U fi tmiem ġimgħat ta’ esperjenza fuq il-post tax-xogħol, bħal kull sena, l-Erbgħa fl-iskola kienet organizzata open day fejn l-istudenti kellhom l-opportunità jesprimu l-ħiliet tagħhom, imma wkoll jikkreaw u joħolqu diversi oġġetti li setgħu jbiegħu b’risq l-iskola tagħhom stess.