Cristiano Ronaldo jinsab fl-iskwadra ta’ Juventus li marret Amsterdam għall-konfront tal-lum kontra Ajax. Il-ġimgħa l-oħra, il-kowċ ta’ Juventus Massimiliano Allegri ammetta li kienet teżisti probabbiltà li Ronaldo jirkupra wara ġimagħtejn li kien weġġa’ mal-Portugall. Ronaldo tilef l-aħħar tliet logħbiet fis-Serie A.
Juventus akkwistaw lil Ronaldo proprju biex jirbħu din il-kompetizzjoni u l-Portugiż wera l-valur tiegħu meta kien strumentali biex għaddew mal-aħħar tmienja.
Iżda Allegri se jkollu jgħaddi mingħajr Giorgio Chiellini u Emre Can li weġġgħu l-pexxun u l-għaksa rispettivament. Flok Chiellini mistenni jibda Daniele Rugani filwaqt li Rodrigo Bentancur mistenni jilgħab ma’ Miralem Pjanic u Blase Matuidi f’nofs il-grawnd.
Aħbar tajba wkoll għal Ajax hekk kif il-midfielder Frenkie de Jong jinsab għad-dispożizzjoni tal-kowċ Erik ten Hag. De Jong weġġa’ l-għaksa fir-rebħa ta’ 4-1 kontra Willem II is-Sibt li għadda.
Iż-żewġ timijiet kellhom jagħmlu rimonta biex waslu sa din il-fażi. Ajax tilfu l-ewwel leg f’darhom 2-1 iżda umiljaw lil Real Madrid fi Stadio Bernabeu b’rebħa ta’ 4-1. Juventus tilfu l-ewwel leg 2-0 kontra Atletico Madrid, iżda rebħu t-tieni leg 3-0 f’Turin bi tripletta ta’ Ronaldo.
Dan se jkun id-disa’ konfront bejn iż-żewġ timijiet u l-ewwel wieħed minn Novembru tal-2004. Ajax huma l-ewwel tim Olandiż li wasal mal-aħħar tmienja mill-istaġun 2006/07.
//= $special ?>