Lokali

Il-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jċedi jew jieqaf milli jikkritika l-korruzzjoni tal-Gvern Soċjalista

“Il-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jċedi jew jieqaf milli jikkritika l-korruzzjoni tal-Gvern Soċjalista.” Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza attività politika f’Ħal Balzan bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li d-Deputat Hermann Schiavone għamel l-iżjed ħaġa onorabbli u offra s-sospensjoni tiegħu mil-Grupp Parlamentari tal-PN. Huwa qal li filwaqt li Hermann Schiavone għażel, li fuq talba għal sala, jissospendi lilu nnifsu u jissottometti ruħu għal bord ta’ dixxiplina tal-partit, fuq in-naħa l-oħra għandna r-rapporti internazzjonali u Ewropej li jikkundannaw lill-Gvern Soċjalista u jibqa’ ma jsir xejn.

Adrian Delia qal li r-rapport tal-Greco jikkundanna lill-Gvern għall-mod kif l-istituzzjonijiet huma maħtufa u l-Ministru Owen Bonniċi jgħid biss li ħa nota. Ir-rapport tal-Moneyval li għandu konsegwenzi kbar fuq pajjiżna fejn pajjiżna jista’ jispiċċa blacklisted u l-Ministru Edward Scicluna jipprova jwaqqa’ dan ir-rapport. Huwa qal li rapport ieħor, mill-Kummissjoni Ewropea li jikkundanna lill-Prim Ministru Joseph Muscat li wara l-Panama Papers żamm liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u kif Konrad Mizzi, li kien l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li nqabad bi strutturi ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama żamm postu.

Il-Kap tal-PN qal li Konrad Mizzi huwa l-istess Ministru li ffirma l-kuntratt biex ta b’xejn tliet sptarijiet tal-poplu lil Vitals, kumpanija li ħadd ma jaf ta min u bla esperjenza fis-settur mediku, u li telqu b’€50 mijun. Huwa qal li l-Gvern Soċjalista għamel proġett wieħed biss kbir, l-proġett tal-power station tal-gass, li ried Konrad Mizzi li bih il-konsumatur Malti qiegħed iħallas prezz ogħla biex jixtri l-elettriku. Dr Delia qal li l-power station kien il-proġett fil-qalba tal-kumpaniji li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu fil-Panama.

Adrian Delia qal li issa l-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li jrid ibiddel l-ajruport ta’ Ħal Luqa f’Gatwick meta dan huwa impossibli għal bosta raġunijiet. Huwa qal li dan huwa proġett ieħor li l-Gvern Soċjalista jħabbar qabel elezzjoni biex imbagħad ma’ jsir xejn ħlief biex jgħatti li mhux veru li l-Air Malta għamlet profitt għaliex issa sirna nafu li hemm djun kbar li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha tħallas u li ma ġewx imdaħħla fil-kalkolazzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li f’Mejju li ġej il-poplu għandu l-opportunità li jbiddel ir-rotta tal-Gvern Soċjalista u jibgħat messaġġ ċar lil Konrad Mizzi, li pajjiżna ma jridx il-korruzzjoni.