Lokali

Il-Pulizija tikkonferma li s-serq mid-Distrett tar-Rabat qed jiżdied xahar wara l-ieħor

Informazzjoni li Net News kiseb mingħand il-Pulizija turi li xahar wara l-ieħor is-serq mir-Rabat u l-irħula tal-madwar qiegħed jiżdied.

Waqt li f’Jannar il-Pulizija ma rċeviet l-ebda rapport ta’ serq jew attentati ta’ serqa, fi Frar kien hemm żewġ attentati mir-Rabat u l-Imdina.

Dawn il-każi telgħu għal seba’ matul ix-xahar li għadda hekk kif il-Pulizija kellha rapport ta’ serqa minn post mhux abitat f’Ħad-Dingli, li jifforma parti mid-Distrett tar-Rabat, kif ukoll żewġ rapporti ta’ attentati ta’ serq u erba’ serqiet b’suċċess mir-Rabat.

Waqt li l-Pulizija għadha ma wettqet l-ebda arrest, Net News jista’ jikkonferma li l-każi ta’ attentati ta’ serq jew inkella suspetti ta’ persuni suspettuża jħufu fl-inħawi kienu ferm iktar madankollu, għal raġuni jew oħra, ħafna għażlu li ma jirrappurtawx.

Saħansitra hu maħsub li matul dan ix-xahar, l-ammont ta’ serq jew attentati mistenni jkun ikbar tant li Net News irċieva informazzjoni dwar żewġ attentati oħra fl-istess lejl fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet biss.

Minn informazzjoni li kompla jirċievi dan is-sit, li ilu għall-aħħar ġimgħat isegwi dak li għaddej fl-inħawi, jista’ jagħti l-każ li hemm iktar minn persuna waħda jew gruppi differenti li qed iwettqu dawn ir-reati.

F’każ minnhom, li din id-darba seħħ fl-Imtarfa, żewġ persuni li dehru ta’ eta’ żgħira ppruvaw jisirqu mara waqt li kienu lebsin maskri tal-Karnival u b’hoodies f’rashom. Dan apparti li fl-inħawi dehret ukoll karozza b’persuni suspettuża josservaw għal ħin twil blokk ta’ appartamenti fin-Nigret.

Għall-kuntrarju, persuni li tkellmu magħna fissru raġel ta’ statura differenti li deher iħuf fir-Rabat, waħdu, waqt li liebes helmet bħalma jużaw is-sewwieq tal-muturi. Dan ukoll ma’ jaqbilx mad-deskrizzjoni, la ta’ dawk li dehru fl-Imtarfa u lanqas ta’ dak li deher f’filmati li xandar dan is-sit fl-aħħar jiem.