Lokali

It-tħassib dwar il-kirjiet: “Tkun trid tikri post waħdek, lanqas tista'”

Jissokta t-tħassib dwar il-kirjiet tal-proprjetà f’Malta, hekk kif post fi grupp fuq Facebook qanqlet numru ta’ reazzjonijiet.

Fil-post kien hemm persuna li saqsa jekk xi ħadd jafx post biex jikri appartament fejn irid iħallas bejn €400-€500 fix-xahar. Il-kummenti iżda ma tantx kienu ta’ għajnuna hekk kif persuna fuq l-oħrajn kien hemm persuna qallu, “forsi tliet snin ilu”. Kumment ieħor wieġeb billi qal, “b’dak il-prezz sodda tikri mhux flat”.

Kumment ieħor li forsi spikka kien fejn intqal li fir-realtà tkun trid tmur biex tikri post waħdek, u ma tkunx tista’ minħabba li l-prezz ikun ferm għoli, għalhekk ikollok tikri l-post ma’ ħaddieħor. Persuna oħra qalet li bil-barranin li hawn f’pajjiżna, huwa impossibli biex Malti jsib post biex jikri b’dawk il-flus.

Fi żjarat li qed jagħmel il-Kap tal-PN Adrian Delia f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex kienu bosta residenti li tkelllmu mal-Kap tal-PN dwar il-problema li dejjem qed tikber tal-prezz tal-kirjiet. L-unika għażla ta’ diversi żgħażagħ qed tkun li jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom.

Kritika ħarxa lejn il-Gvern mill-Kamra tal-Kummerċ

Ix-xahar li għadda fuq Net Live l-Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb ukoll stqarret kif ħafna ħaddiema mhux ilaħħqu mal-piż tal-kirjiet. Il-kamra tal-kummerċ ukoll għamlet referenza għall-effetti li qed tħalli l-mossa tal-Gvern Soċjalista li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni. Tinsisti fost l-oħrajn li qed isir bini bla rażan – bini li jaf jibqa’ vojt la darba pajjiżna jaffaċja ċiklu ekonomiku negattiv.

Il-Kamra tal-Kummerċ użat kliem iebes ferm fil-konfront tal-famuża White Paper li tant ftaħar biha l-Gvern, u tinsisti li din ma toffri l-ebda soluzzjoni fit-tul għall-problema tal-kirjiet.

Min-naħa l-oħra l-PN permezz tal-kelliema tiegħu, u l-Kap tal-Partit Adrian Delia qed isostnu li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħti garanzija li meta jerġa’ jkun fil-Gvern kulħadd se jkollu saqaf rasu. Il-benesseri tan-nies u tas-soċjetà huma għal qalb il-Partit Nazzjonalista u għalhekk mill-Oppożizzjoni, qed iressaq proposti konkreti għal setturi li jinsabu f’diffikultà bil-mudell ekonomiku tal-Gvern Soċjalista.