Lokali

Jikbru d-dubji dwar id-deal ta’ Konrad Mizzi

Il-Ministru Konrad Mizzi spiċċa kellu jikkonferma li bħalissa għaddejjin in-negozjati dwar id-deal tal-Corinthia – negozjati li kif żvelat il-gazzetta il-mument ħmistax ilu, qed isiru bil-moħbi ta’ kulħadd. 

Jider illi l-Grupp Corinthia qabel mal-parti l-kbira tal-parametri ġodda li l-Gvern Soċjalista ppreżentalhom. Madanakollu dak li se jkun trattat fil-futur jiddependi fuq ir-riżultat tal-proċess ta’ valutazzjoni ġdida għall-art fil-Bajja ta’ San Ġorġ. Il-Valutazzjoni li qed issir tinvolvi proċess li ħadd ma jaf kif qed isir u meta se jitlesta. Dan kien konfermat mill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi stess f’kumment ma’ The Malta Independent.

Dan jikkonferma dak li kienet żvelat il-gazzetta l-mument li n-negozjati bejn il-Ministru Konrad Mizzi u l-Grupp Corinthia qed isiru bl-aktar mod sigriet biex ħadd ma joħroġ inaffar dan il-ftehim li qed jinħema.

Il-Ministru Konrad Mizzi se jagħti lill-Grupp Corinthia art pubblika f’San Ġiljan biex minflok lukanda ta’ ħames stilel jibnu torri ta’ appartamenti lussużi, li kapaci jgibu mal-biljun ewro.

Wara pressjoni li kienet saret min-naħa tal-Oppożizzjoni, il-Gvern kellu jbiddel il-ftehim inizjali mal-Grupp Corinthia. L-Oppożizzjoni kienet oġġezzjonat bil-qawwa kollha ghal dan il-ftehim u saħansitra kienet iddeskrivietu bħala wieħed “oxxen”. Tkellmu wkoll b’mod mill-aktar voċiferu anke unions, Kunsilli Lokali u għaqdiet ambjentali – f’kundanna assoluta għall-manuvri ta’ Konrad Mizzi.

Mistoqsi minn The Malta Independent dwar fejn waslu dawn in-negozjati, il-Ministru Mizzi spiċċa kellu jammetti….wara li inkixef…. li l-Gvern iltaqa’ mal-Grupp Corinthia sabiex jiddiskutu parametri ġodda, iżda ma qalx x’fih dan id-deal u meta se jkun lest.