Lokali Saħħa

“L-Isptar mimli…fejn se jitpoġġew il-pazjenti mil-Libja?” – MUMN

Tħassib serju mill-infermiera fuq l-eventwalità ta’ pazjenti Libjani li jinġiebu Malta biex jiġu ttrattati fl-Isptar Mater Dei. Dan it-tħassib huwa wieħed ferm ġustifikat peress li l-Isptar Mater Dei diġà għandu s-sodod kollha mimlijin fejn l-infermiera huma kostrett ilaħħqu man-numru kbir ħafna ta’ pazjenti mhux biss fil-swali iżda wkoll fil-kurituri.

Dan qalitu l-MUMN f’komunikat lill-membri tagħha. L-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, immedjatament kkuntattjat lill-Ministru nnifsu fejn ngħata l-assigurazzjoni li m’hemm ebda pjanijiet li pazjenti li se jaslu mil-Libja jiġu ttrattati fl-Isptar. Iżda minkejja din l-assigurazzjoni tal-Ministru, waslu rappoorti inkwetanti minn infermiera li Mater Dei jrid ikun lest li jilqa’ pazjenti mil-Libja.

Il-pożizzjoni tal MUMN fuq din il-kwistjoni hija waħda ċara. “Aħna mhux kontra l-kura għall-pazjenti Libjani iżda din it-tagħbija ta’ xogħol żejjed se jkollha effetti drastiċi mhux biss fuq il-membri tagħna, speċjalment dawk li jaħdmu ma’ pazjenti bħal dawn, iżda wkoll impatt fuq il-kura mogħtija fl-isptar kollu.

L-infermiera diġà jaħdmu iktar u allura dan se jirriżulta f’pazjenti li probabbilment se jkunu infettati b’organiżmi multi reżistenti u skjerati fil-kurituri fejn ir-riskji ta’ sigurtà għolja għall-infermiera involuti se jkunu preżenti. Dan se jkollu impatt fuq is-servizz kollu tal-Isptar Mater Dei.

Il-Ministeru tas-Saħħa m’għandux jintuża bħala logħba politika fejn l-uniku sptar akut fuq din il-gżira ma jkollux il-lussu, kemm fl-infrastruttura u fir-riżorsi umani, li jkun f’pożizzjoni sabiex jakkomoda pazjenti dipendenti ħafna minn kwalunkwe pajjiż ieħor.

L-MUMN tixtieq tassigura lill-membri tagħha li jekk il-kelma tal-Ministru tinstab li mhux korretta, se tieħu kwalunkwe azzjoni li jidhrilha xierqa u neċessarju sabiex ikunu protetti l-membri tagħha u l-pazjenti.