Lokali

Anke fil-Gudja, il-Kunsilliera tal-PN qed jagħmlu d-differenza

Għalkemm f’minoranza assoluta, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja wettqu diversi inizjattivi li jissarfu f’mitqlu deheb għar-residenti.

Madankollu, il-Gvern qed ikompli jkaxkar saqajh biex jara li din il-ħidma ma ssirx, bħal meta imblokka by-law biex min mhux residenti, ma jkunx jista’ jħalli l-vettura tiegħu fit-toroq tal-lokalità għal aktar minn 24 siegħa.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara fost ir-residenti u fil-komunità kummerċjali tal-lokalità. Hu kien akkumpanjat mill-Kandidati Lokali u għall-Parlament Ewropew.

Adrian Delia nnota kif grazzi għall-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, setgħu jsiru skambji kulturali ta’ żgħażagħ ma’ bliet f’pajjiżi oħra. Iżda, min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-burokrazija fis-sistema tal-Gvern qed ixxekkel lill-Kunsilli Lokali.

Fuq nota differenti, Adrian Delia għalaq billi fakkar il-memorja ta’ Raymond Caruana, l-attivist żagħżugħ mill-Gudja li nqatel politikament meta partitarji Soċjalisti sparaw fuq il-Każin Nazzjonalista tal-lokal.

Qal li dan il-qtil ifakkru fil-ġlieda li l-Partit Nazzjonalista għamel għall-Ġustizzja, il-Verità u l-Libertà.