Raġel ta’ 25 sena residenti B’Kara u ieħor ta’ 42 sena mill-Marsa, ġew arrestati mill-Pulizija ta’ Kontra Droga wara li nstabu fil-pussess ta’ droga.
Ir-raġel ta’ 25 sena, li twaqqaf mill-Pulizija fil-lokalità ta’ Birkirkata waqt li kien qiegħed isuq il-vettura tiegħu, instab fil-pussess ta’ madwar 5 kilogrammi blokok, allegatament raża tal-kannabis lesti biex jiġu traffikati, filwaqt li ġewwa razzett fl-inħawi tal-Mosta, li huwa amministrat mir-raġel ta’ 42 sena, instabu moħbija madwar 10 kilogrammi oħra mill-istess sustanza.
Il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farruġia ġie infurmat bis-sejba, fejn ħatar diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta.
Mhux eskluż li l-irġiel jitressqu l-Qorti għada filgħodu akkużati b’assoċjazzjoni fit-traffikar u pusses aggravat tad-droga.
//= $special ?>