Arsenal rebħu 2-0 fl-Emirates Stadium u jibdew favoriti li jgħaddu għas-semifinali tal-UEFA Europa League. Kienet wirja konvinċenti ta’ Arsenal li ħadu vantaġġ minn 45 minuta negattivi ta’ Napoli u saħansitra fit-tieni taqsima pruvaw ikabbru d-distakk.
Din it-telfa tpoġġi lil Napoli f’sitwazzjoni diffiċli hekk kif naqsu li tal-anqas li jiskorjaw barra minn darhom. Il-Gunners fetħu l-iskor wara kwarta logħob f’azzjoni mibnija tajba, anki jekk Napoli pprotestaw għal fawl ta’ Alexandre Lacazette f’nofs il-grawnd.
Kien Mesut Özil li fuq il-lemin qassam lejn Lacazette li kompla lejn Ainsley Maitland-Niles, b’tal-aħħar iqassam lejn AARON RAMSEY li b’konklużjoni minn qagħda ideali għeleb lil Alex Meret. L-iskor sar 2-0 għaxar minuti wara meta għal darba oħra Napoli tilfu l-pussess f’nofs il-grawnd, b’LUCAS TORREIRA jisraq ballun avvanza u b’finta għamel spazju għalih, bix-xutt ikun imxellef minn Kalidou Koulibaly u qarraq b’Meret.
Lorenzo Insigne falla ċans tajjeb qabel tmiem l-ewwel taqsima meta rċieva kross fil-baxx mil-lemin, iżda minn pożizzjoni ideali xeħet ferm għoli, f’sitwazzjoni li seta’ għamel aħjar.
Fit-tieni taqsima Napoli tjiebu iżda ssugraw diversi drabi li jsofru t-tielet gowl. Meret kien strumentali fid-59 minuta meta dawwar f’korner bi bravura xutt b’saħħtu ta’ Ramsey. L-istess gowlkiper reġa’ spikka għaxar minuti wara meta b’xi mod dawwar f’korner xutt ta’ Maitland-Niles. Napoli fallew ċans tad-deheb fit-72 minuta bi kross mil-lemin ta’ Lorenzo Insigne lejn Piotr Zielinski iżda minn qagħda ċentrali fil-kaxxa xeħet għoli
Slavia Praga v Chelsea
Chelsea tħabtu iżda finalment skorjaw gowl lejn it-tmiem biex kisbu rebħa importanti ta’ 1-0 barra minn darhom li tpoġġihom favoriti li jgħaddu għas-semifinali.
Sarri għamel seba’ bidliet mit-tim li għeleb lil West Ham fil-kampjonat it-Tnejn li għadda. David Luiz, Emerson, N’Golo Kante, Ruben Loftus-Cheek, Callum Hudson Odoi, Gonzalo Higuain u Eden Hazard kollha ma bdewx il-logħba. Kien fil-85 minuta li Chelsea skorjaw il-gowl tar-rebħa meta Willian tefa’ kross mil-lemin fil-kaxxa lejn MARCOS ALONSO li b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Ondrej Kolar.
Villarreal v Valencia
Żewġ gowls lejn it-tmiem taw rebħa prezzjuża lil Valencia meta fil-konfront kollu Spanja għelbu barra minn darhom lil Villarreal 3-1. Valencia ngħataw penalty wara sitt minuti meta r-referee Ingliż Michael Oliver iġġudika fawl ta’ Santiago Caseres fuq Goncalo Guedes.
Mill-11-il metru nkariga ruħu Dani Parejo li kellu l-penalty salvat minn Andres Fernandez iżda mir-rebound daħal GONCALO GUEDES li skorja mill-kaxxa ż-żgħira. Villarreal ġabu d-draw fis-36 minuta meta huma wkoll ingħataw penalty għal fawl ta’ Ezequiel Garay fuq Vicente Iborra. SANTI CAZORLA bagħat lil Neto n-naħa l-oħra tal-ballun.
Valencia marru minn fuq fid-90 minuta bi kross mix-xellug tad-difensur Jose Gaya lejn DANIEL WASS li daħal sparat biex b’xutt mill-ewwel għar-rokna għeleb lil Fernandez. Villarreal pruvaw jitfgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jġibu d-draw, iżda fit-93 minuta sofrew it-tielet gowl. Kien kontrattakk li qabad id-difiża ta’ Villarreal fuq sieq waħda, bi kross preċiż ta’ Denis Cheryshev lejn GONCALO GUEDES li skorja mill-kaxxa.
Benfica v Eintracht Frankfurt
Benfica kisbu vantaġġ doppju f’Estadio da Luz għalkemm iż-żewġ gowls li skorjaw Eintracht Frankfurt fil-Portugall, jistgħu jkunu deċiżivi fil-kwalifikazzjoni tagħhom.
Il-Ġermaniżi kellhom jilagħbu l-maġġoranza tal-logħba b’raġel anqas wara li fl-20 minuta r-referee Anthony Taylor ordna penalty għal fawl fil-kaxxa ta’ Evan N’Dicka fuq Gedson Fernandes meta kien f’opportunità ċara ta’ gowl. JOAO FELIX skorja b’xutt fil-baxx.
B’inferjorità numerika, Eintracht Frankfurt ġabu d-draw fl-40 minuta, b’azzjoni tajba fuq ix-xellug ta’ Ante Rebic li daħal fil-kaxxa u qassam għan-nofs lejn LUKA JOVIC li skorja minn qagħda ideali. Iżda Benfica reġgħu marru minn fuq tliet minuti wara b’xutt b’saħħtu fil-baxx u minn barra l-kaxxa ta’ JOAO FELIX. Benfica rduppjaw il-vantaġġ fil-50 minuta b’RUBEN DIAS jiskorja mill-qrib wara korner ta’ Alex Grimaldo.
L-iskor saħansitra 4-1 erba’ minuti wara b’JOAO FELIX jerġa’ jiskorja b’xutt mill-ewwel wara kross mix-xellug. Fit-72 minuta l-Ġermaniżi skorjaw gowl li jista’ jkun importanti meta minn korner, GONCALO PACIENCIA skorja b’daqqa ta’ ras għar-rokna.
//= $special ?>