Matul il-lejl li ghadda ntlaħaq ftehim fost is-27 membru tal-UE mal-Prim Ministru Theresa May, biex ir-Renju Unit jingħata estensjoni flessibli ta’ sitt xhur, sal-31 ta’ Ottubru, biex ikun jista’ joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem is-summit Ewropew il-President Donald Tusk qal li issa l-għażla tinsab f’idejn ir-Renju Unit u appella lill-poplu tar-Renju Unit biex ma jaħlix iż-żmien ta’ din l-estensjoni.
Din id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tfisser ukoll li r-Renju Unit evita li għada joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim, li kien ser ikollu konsegwenzi serji fuq l-ekonomija Ingliża kif ukoll dik tal-Unjoni Ewropea.
Ftit wara li ġew konklużi it-taħdidiet, il-Prim Ministru Ingliża Theresa May qalet li hija ser tkompli taħdem biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea x-xahar id-dieħel, u jevita li jieħu sehem fl-elezzjonijiet Ewropej. Hija tenniet li jekk il-House of Commons japprova l-ftehim dwar Brexit, l-estensjoni fit-tul tiġi evitata.
//= $special ?>