Lokali

Determinat li ma jippreżentax id-deal tal-Corinthia qabel l-elezzjonijiet tal-MEPs

Wara li jiem qabel il-Milied, il-Ministru Konrad Mizzi pprova jgħaddi b’għaġla għall-approvazzjoni mill-Parlament il-ftehim mal-Corinthia, u wara li grazzi għall-Oppożizzjoni dan il-ftehim kontroversjali li se jkun qed jagħti l-art tal-poplu bix-xejn għal spekulazzjoni kellu jiġu revedut, issa l-Ministru reġa qed jipprova jostor il-ftehim il-ġdid li sar.

Netnews.com.mt staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu meta se joħroġ id-dettali tal-ftehim, b’Mizzi jgħid li ma jeżistix ftehim.

Dan filwaqt li li fl-istess nifs qalilna li l-Corinthia qed jaqblu mal-bdil fil-parametri l-ġodda. Parametri li s’issa smajna biss bihom iżda li għadhom fl-arja.

Skont Konrad Mizzi, id-deal il-ġdid jinkludi l-ftehim li ma ssirx reklamazzjoni tal-art – xejn ġdid, ghaliex dan diga’ kien zvelah iċ-Chairperson tal-Grupp Corinthia Alfred Pisani. Il-Ministru issa ta x’jifhem li l-kompromess se jkun li l-iżvilupp turisitku jiżdied xi ftit u jonqos, mingħajr ma qal b’kemm, dak residenzjali.

Il-Ministru ġab l-iskuża li issa qed jistenna l-valutazzjoni tal-kumpanija Colliers li ntalbet tagħmel valutazzjoni ġdida tal-art. Valutazzjoni li diġa kienet saret ftit tax-xhur ilu.

Minkejja li l-parametri huma diġa miftehma mal-grupp Corinthia, Mizzi issa qed jgħid li din il-valutazzjoni għadha tista tibdel kollox u jkollhom jerġgħu isiru l-konsultazzjonjiet.

Konrad Mizzi qal li qabel ma sar l-ewwel ftehim kienu saru konsultazzjonijiet ma’ NGOs u Kunsilli Lokali, iżda dawn il-konsultazzjonijiet, jekk saru, żgur li ma kienux riflessi fil-ftehim li ried jagħti l-art tal-poplu Malti għal żvilupp enormi residenzjali, b’ torrijiet għoljin.

Staqsejna lill-Ministru Mizzi jekk kienx se jippreżenta l-ftehim qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, iżda hu qalilna li din mhux kwistjoni ta’ għaġla, u li l-valutazzjoni trid tieħu ż-żmien tagħha..

Iżda wieħed issa jrid jara jekk il-Ministru jerġax jirrepeti dak li għamel fil-Milied u jerġa jipprova jgħaddi l-ftehim ta’ malajr qabel jagħlaq il-Parlament għall vaganzi tas-Sajf.