Futbol Sport

Haley Bugeja tirbaħ il-Plejer tax-Xahar għal Frar

Haley Bugeja ta’ Mġarr United rebħet l-unur tal-Plejer tax-Xahar għal Frar. Iż-żagħżugħa qed ikollha staġun mill-aqwa hekk kif tinsab fil-quċċata tal-aqwa skorers kemm fil-kampjonat ta’ taħt id-19-il sena kif ukoll fil-kampjonat BOV tan-nisa.

Hi għamlet id-debutt fil-kampjonat tal-kbar l-istaġun li għadda fl-età ta’ 14-il sena biss. Bugeja hi l-aqwa skorer ta’ Mġarr b’24 gowl minn 15-il logħba. Matul Frar, Haley Bugeja skorjat erba’ mill-ħames gowls fir-rebħa ta’ 5-1 li Mġarr kellhom fuq Raiders. Hi skorjat doppjetta fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Mosta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-PR u Marketing tal-BOV Charles Azzopardi ppreżenta t-trofew lil Haley Bugeja li b’hekk hi l-iżgħar plejer li qatt rebħet dan l-unur.