Ekonomija Lokali

Il-ħaddiema Maltin qed jispiċċaw f’morsa doppja bil-pagi baxxi u ż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja

Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin raw l-inqas żieda fil-pagi tagħhom fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u dan meta l-prezzijiet tal-ikel u l-prodotti essenzjali qegħdin dejjem jiżdiedu. Bil-politika tal-Gvern Soċjalista li jżid il-popolazzjoni bla pjan qed twassal biex iċ-cheap labour jgħolli rasu u bil-middle class mhux qed ilaħħqu aktar mal-għoli tal-ħajja minkejja li jaħdmu.

L-istatistika tal-Eurostat li ġiet ippubblikata llum turi li f’Malta kien hawn l-inqas żieda fil-pagi u s-salarji fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. L-istatistika tikkonferma wkoll li l-pagi f’Malta huma inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Din mhux l-ewwel darba li pajjiżna rreġistra tnaqqis fil-pagi u s-salarji.

Filwaqt li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin qed jaraw il-paga tagħhom bilkemm tiżdied, il-middle class qed jaffaċċjaw żidiet sostanzjali u kostanti fl-għoli tal-ħajja, tant li l-istatistika Ewropea tikkonferma li l-familji esperjenzaw l-akbar żieda fl-għoli tal-ħajja mill-2017 ‘l hawn.

Il-Partit Nazzjonalista issa ilu jisħaq dwar il-bżonn ta’ pjan fit-tul sabiex jiġu ndirizzati d-diffikultajiet tal-familji, ħaddiema u l-anzjani li mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar bil-pensjoni tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni li kull sena qed tiġi tiswa aktar minn €725 miljun li bihom kieku nistgħu ngħinu lil min mhux qed ilaħħaq mal-ispejjeż u l-għoli tal-ħajja. Għall-Gvern Soċjalista iżda l-unika soluzzjoni hija li jibqa’ jkabbar l-popolazzjoni ta’ pajjiżna bil-konsegwenza li t-tbatijiet tal-ħaddiema u l-middle class se jibqgħu jiżdiedu biċ-cheap labour u l-pagi baxxi.