Rugby Sport

Il-kowċ nazzjonali Damian Neill ottimist li Malta tista’ tirbaħ kontra l-Kroazja

Azzjoni waqt il-logħba tat-tim nazzjonali kontra l-Kroazja (Ritratt: Matthew Tabone)

Ottimiżmu fil-kowċ nazzjonali Malti tar-Rugby Damian Neill, hekk kif is-Sibt li ġej Malta tilgħab kontra l-Kroazja. Din il-logħba hi deċiżiva għal min jirbaħ il-grupp Rugby Europe Conference 1 South hekk kif iż-żewġ nazzjonijiet rebħu t-tliet logħbiet li lagħbu.

Sa issa, Malta rebħet kontra l-Iżrael 21-14 fl-20 ta’ Ottubru, ġimgħa wara nkisbet rebħa f’pajjiżna ta’ 41-7 kontra l-Bożnija u bl-aħħar rebħa tasal fit-23 ta’ Marzu li għadda kontra Ċipru bl-iskor ta’ 37-10. Fuq in-naħa l-oħra, il-Kroazja rebħet 40-11 kontra l-Bożnija fit-13 ta’ Ottubru, rebħa ta’ 46-24 kontra Ċipru ġimgħa wara u rebħa fis-27 ta’ Ottubru kontra l-Iżrael 19-16.

F’konferenza stampa qabel dan il-konfront, il-kowċ nazzjonali qal li l-Kroazja huma l-aħjar fil-kicks tagħhom biex jippruvaw jiksbu t-territorju fil-pitch. Neill iħoss li kemm Malta kif ukoll il-Kroazja jippruvaw jilagħbu logħba miftuħa u jemmen li se tkun logħba fiżika.

“Ninsab fiduċjuż jekk kollox imur kif ippjanat u jekk le nadattaw. Jien ċert li huma kunfidenti wkoll,” żied Neill. Hu konvint li l-Kroati huma l-aktar tim ta’ sfida fil-grupp. Damian Neill se jkollu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni hekk kif Daniel Holliday mistenni jirkupra fil-ħin filwaqt li Rob Holloway u Toby Quarendon se jaslu għada.

Il-logħba tas-Sibt tibda fis-2.00pm fil-Hibernians Stadium u l-bibien jiftħu fin-12.30pm. Il-biljetti jistgħu jinkisbu mis-sit ticketline.com.mt jew dakinhar tal-logħba mill-istadium stess. B’rebħa s-Sibt, Malta tilgħab play-off kontra r-rebbieħ tal-Conference 1 North li probabbilment ikun xi ħadd bejn l-Ukrajna u l-Iżvezja. Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront ikun promoss fid-diviżjoni Rugby Europe Trophy.

L-iskwadra Maltija

Daniel Apsee, Rhodri Apsee, Malcolm Attard, Keith Azzopardi, Benjamin Borg, Matthew Camilleri, Dragan Cerketa, Harry Collins, Brendan Dalton, Mark Davey, Jeremy Debattista, Darren Deguara, Christopher Dudman, Richard Gum, Anthony Harvey, Gary Hili, Daniel Holliday, Robert Holloway, Thomas Holloway, James Kirk, Rory O’Brien, T. Quarendon, Gabriel Scicluna, Matthew Spiteri, Luke Watts

Tags