Lokali

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qieħed jipprova jqarraq

Il-Gvern se jkompli bil-ħatriet fil-ġudikatura minkejja r-rakkomandazzjonijiet ta’ diversi rapporti, b’mod partikolari tal-Kummissjoni Venezja li rrimarkat li l-poteri huma kollha konċentrati f’idejn il-Prim Ministru.

F’kummenti lil Net News, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici sahaq li l-Prim Ministru neża’ mill-poteri tiegħu fejn jidħlu l-ħatriet fil-ġudikatura.

Il-kumment tal-Ministru Bonnici fattwalment mhux korrett. Filwaqt li huwa veru li fl-2016 twaqqaf Kumitat dwar il-Ħatriet fil-Ġudikatura li jiskrutinja dawn in-nomini, mhux veru li l-Prim Ministru neħħa l-poter li jaħtar lil min irid bħala ġudikant.

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tghid li l-Imħallfin u l-Maġistrati jinħatru mill-President ta’ Malta fuq parir tal-Prim Ministru.  Dan ma nbidilx.

Li nbidel hu li n-nomina tal-Prim Ministru tkun evalwata minn dan il-Kumitat li hu magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-President tal-Kamra tal-Avukati.

Madanakollu, il-Prim Ministru jista’ jinjora l-evalwazzjoni ta’ dan il-Kumitat u jibqa’ għaddej bin-nomina tiegħu u jagħti raġunijiet għalfejn qed jinjora r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat b’avviż fuq il-Gazzetta tal-Gvern u stqarrija Ministerjali fil-Parlament.

Li jfisser li ghalkemm issa hemm saff ta’ skrutinju, in-nomina u d-decizjoni ahharija xorta ghadha f’idejn il-Prim Ministru u fil-prattika, ma reħa l-ebda setgħa.

Sadanittant, il-Gvern qed ikompli bil-ħatriet b’rata mgħaġġla hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin, tliet Maġistrati mistennija jinħatru Mħallfin u tliet Avukati jinħatru bħala Maġistrati.

It-Tliet Imħallfin prospettivi huma l-Maġistrati Aaron Bugeja, Joanne Vella Cuschieri u Francesco Depasquale filwaqt li t-tliet Avukati li qed jissemmew bħala Maġistrati huma Nadine Lija, Bridgette Sultana u Victor Axiak.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja kien prosekutur fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qabel il-ħatra għal Maġistrat fl-2013. Il-Maġistrat Francesco Depasquale inħatar fl-2011 u l-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri inħatret fl-2014 wara li kkontestat minghajr success, l-elezzjoni generali tal-2013 bhala kandidat Laburista fuq id-distrett ta’ Għawdex.

Hi se tkun l-ewwel Imħallef full-time fuq Għawdex, u din il-ħatra qed tqanqal mistoqsijiet hekk kif il-Maġistrat sedenti f’Għawdex ilu fil-kariga għal għexieren ta’ snin u issa nqabeż mill-Maġistrat Vella Cuschieri.

Kif żvela Net News fil-ġimgħat li għaddew, l-iktar ħatra kontroversjali hi dik tal-Avukat Nadine Lia. Imwielda Nadine Sant, l-Avukat Lia hi miżżewwġa iben l-Avukat Pawlu Lia, li ilu l-Avukat tal-Partit Laburista għal diversi snin u hu wkoll membru fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Hi kienet konsulent legali f’diversi Ministeri tal-Gvern b’mod partikolari il-Ministeru ta’ Chris Cardona.