Internazzjonali

Is-Sudan: Il-President Bashir jitkeċċa mill-poter

Il-President tas-Sudan, Omar al-Bashir, kien imġiegħel jirriżenja mill-poter, wara 30 sena ta’ awtokrazija u, meta hu, bħalissa, qed jinżamm taħt arrest fil-kumpless tal-Presidenza f’Khartoum.

Intant, il-militar qal li qed jassumi l-poter f’Khartoum, fost rapporti li l-Armata qed taħseb biex twaqqaf ‘kunsill transitorju’ biex imexxi lill-pajjiż għal sentejn qabel isiru l-elezzjonijiet fis-Sudan.

Ingħad ukoll li qed titfassal il-bażi għal stat ta’ emerġenza fis-Sudan li jkun effettiv għal tliet xhur.

L-indikazzjonijiet huma li Bashir, li għandu 75 sena, qed jinżamm fir-residenza tal-President ‘taħt il-ħarsien kontinwu tal-gwardjani’. Imkejjen qrib l-Oppożizzjoni, intant, sostnew li Bashir ‘kien qed jinżamm taħt arrest f’daru flimkien ma’ xi mexxejja tal-grupp terroristiku tal-Fratellanza Musulmana’.

Intant, numru ta’ dimostranti li kienu ilhom xhur jipprotestaw kontra r-reġim ta’ Bashir qed jinkwetaw dwar sitwazzjoni potenzjali ‘li tippermetti biex il-President imur jgħix f’eżilju barra s-Sudan’.

Filwaqt li folol kbar ħarġu fit-toroq biex jiċċelebraw ‘it-tmiem tal-President’, id-dimostranti jridu li s-Sudan jitmexxa minn Gvern ċivili. Dan meta huma mhumiex jidhru lesti biex jaċċettaw amministrazzjoni mmexxija minn xi personalitajiet militari jew minn xi ‘kollegi ta’ Bashir’.